“Malli nħossni ftit emozzjonat, indur għall-ikel…” Għaliex dan?
Huma diversi dawk il-persuni li malli jkunu għaddejjin minn perjodu xi ftit emozzjonanti jew ikunu stressati, tarahom iduru għall-ikel u jużawh bħala mod kif “jaħarbu” l-emozzjonijiet. Bl-Ingliż, dan jgħidulu “emotional eating”.
Wieħed jispiċċa jiekol mhux għax verament għandu l-ġuħ, iżda juża l-ikel bħala mekkaniżmu għas-sopravvivenza. L-ikel jikkalmah u jaljenah minn dak li jkun għaddej minnu, u mhux bħala dik il-ħaġa li għandna bżonn biex inkunu nistgħu nkomplu nħaddmu l-funzjonijiet ta’ ġisimna.
Minkejja li l-emotional eating mhux klassifikat bħala diżordni alimentari, huwa xorta waħda marbut mas-saħħa mentali.
Kif tista’ tinduna meta tkun qed tiekol biex ittaffi l-emozzjonijiet?
- Meta tarak li qed tiekol fil-mumenti meta ma tkunx qed tħossok sew mentalment, eżempju jkollok id-dwejjaq, f’mumenti ta’ solitudni, f’mumenti ta’ stress u anke f’mumenti ta’ kuntentizz.
- Meta tinduna li biex taffaċċja sitwazzjonijiet li huma ta’ skonfort, trid bilfors tiekol.
Iżda għaliex bħala umani, nassoċjaw l-ikel mal-emozzjonijiet? Minn meta konnha żgħar, dejjem nassoċjaw l-ikel ma’ mumenti ta’ kumdità. Bnejna l-komunitajiet tagħna permezz ta’ ikliet, lil dawk li għaddejjin minn mumenti diffiċli nixtrulhom jew nagħmlulhom l-ikel bħala rigal u meta noħorġu flimkien, l-ewwel idea ta’ x’nistgħu nagħmlu hija dejjem dik li noħorġu nieklu.