“Malta ħanina, ħobża u sardina” Ħafna Maltin kienu jmorru vaganza hawn
It-Tuneżija kienet popolari ħafna mal-Maltin biex imorru vaganza. “Sabiħa t-tuneżija e!” kienet frażi f’riklam popolari ħafna tant li din kienet tintuża spiss anke b’ċajt.
Għalkemm huwa pajjiż sabiħ, xemxi u b’ħafna attivitajiet kemm kulturali u anke oħrajn marbuta mal-baħar u d-deżert, dan il-pajjiż kien naqqas kompletament mit-turiżmu minħabba nkwiet politiku li kien hemm.
Imma t-turiżmu fil-pajjiż reġa’ rpilja sew. Madankollu, xorta għadu ma laħaqx il-popolarità li qed igawdu l-Eġittu u l-Marokk; b’dan tal-aħħar ħa isem tajjeb ħafna.
Hemm ħafna affarijiet tajbin li jħeġġuk issiefer lejn it-Tuneżija fosthom il-valur tal-flus, il-pajsaġġ tradizzjonali, il-vjaġġ qasir minn Malta għal hemm (siegħa u għaxar minuti) u esperjenzi sbieħ bħal rikba fuq il-ġemel, vjaġġ fuq il-baħar fejn tara d-dniefel, ikel tajjeb u anke xiri.
“Malta ħanina, ħobża u sardina” hija frażi li t-Tuneżin jgħidu lill-Maltin malli jindunaw bihom. Dan għaliex meta kien qed jinbena l-breakwater f’Malta (1903-1906), ma kienx hawn ħaddiema biżżejjed u ġew ħafna Tuneżin u kienu jħallushom bil-ħobż u s-sardin.
Min jaf, forsi aħna ta’ Stradarjali norganizzaw xi btala hemm. Tiġu magħna?