Raġel li ġismu stess jipproduċi l-alkoħol

 Raġel li ġismu stess jipproduċi l-alkoħol

Raġel minn Bruges, il-Belġju, kien arrestat mill-Pulizija wara li sarlu test tal-alkoħol meta twaqqaf waqt li kien qed isuq.

It-test wera’ li r-raġel kien ikkonsma livelli għolja ta’ alkoħol. Madankollu s-sewwieq kien ftit jew wisq mistagħġeb għax l-aħħar li kien xorob kien il-ġurnata ta’ qabel u kull ma kien ħa kienu żewġt ifliexken birra.

Testijiet li sarulu minn tlett tobba wrew li r-raġel filfatt ibati minn kundizzjoni magħrufa bħala ABS jew Auto-Brewery Syndrome, fejn il-ġisem stess jipproduċi livelli għolja ħafna ta’ etanol.

Din il-kundizzjoni twassal biex wieħed jibda jeħillu lsienu u ma jitkellimx sew, jitlef il-kontrol sħiħ ta’ saqajh u jdejh, jistordi u anke jitfewwaq.

Ir-raġel kien diġà nstab li kien qabeż il-livell tal-alkoħol aċċettibbli biex wieħed isuq f’żewġ okkażjonijiet oħra li fihom twaqqaf mill-forzi tal-ordni.

Iżda meta sarulu aktar testijiet, ġie kkonfermat li fil-verità r-raġel ma kienx xorob alkoħol, imma  li l-livelli tal-etanol kienu biss riżultat tal-kundizzjoni stramba tiegħu.

Ironikament ir-raġel inzerta wkoll jaħdem f’birrerija.

Bl-ABS li jiġri hu li l-ġisem jiffermenta l-karboidrati li wieħed ikun ikkonsma minħabba bacteria partikolari jew fungus li jkun hemm fl-istonku. Dan imbagħad jispiċċa jipproduċi alkoħol li jiġi assorbit mill-intestini u li jħalli l-effett daqs li kieku wieħed ikun xorob xarba tajba.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com