“Tgħidli xejn, meta niekol b’idejja jogħġobni iżjed”
Qatt smajtu lil xi ħadd jgħid: “tgħidli xejn, meta niekol b’idejja jogħġobni iżjed”? Aħna qed niktbu dan l-artiklu biex ngħidulkom li mhux qed jgħidu ċuċati! Anzi, għandek tara kif tagħmel u anke inti tieħu l-opportunità li fejn u meta tista’, tiekol b’idejk.
Infatti, riżultati xjentifiċi sabu diversi vantaġġi u benefiċċji ta’ meta wieħed jiekol bl-idejn. Dawn jinkludu:
- Tisħieħ fiċ-ċirkolazzjoni tad-demm – li tiekol bl-idejn jinvolvi l-moviment tal-muskoli tas-swaba u l-idejn, li jwassal għat-tisħieħ taċ-ċirkolazzjoni tad-demm u jipprevjeni l-għebbusija tal-ġogi.
- Diġestjoni stimulata – meta tiekol b’idejk tistimola l-produzzjoni ta’ enzimi fil-ħalq u fl-istonku li jwasslu sabiex l-ikel jitkisser b’mod aktar effiċjenti u jipprevjeni l-indiġestjoni, nefħa u gass.
- Kontroll fuq kemm tiekol – li tiekol b’idejk jagħmlek aktar konxju tal-konsistenza, it-toma u l-aroma tal-ikel. Dan iwassal sabiex tħossok aktar sodisfatt u mimli u b’hekk ma tiekolx ħafna ikel żejjed.
- Tnaqqis taz-zokkor fid-demm – meta tnaqqas il-veloċità inti u tiekol, tista’ tillimita wkoll każi ta’ livell ta’ zokkor għoli fid-demm. Dan il-metodu jista’ jkun partikolarment effettiv għal persuni li għandhom id-dijabete.
- Tisħieħ fl-immunità – dan hekk kif meta tiekol b’idejk, tkun espost għal batteri u flora li jinsabu fuq il-ġilda, il-ħalq u l-musrana. Dawn jipproteġuna minn infezzjonijiet u jsaħħu s-sistema immunitarja tagħna.
Jiġifieri jekk tixtieq tagħti spinta lis-saħħa tiegħek, xi kultant warrab il-furketta u intefa’ tiekol b’idek.