Tradizzjoni li ssir fl-aħħar tal-Presidenza

 Tradizzjoni li ssir fl-aħħar tal-Presidenza

Fit-2 t’April, Il-Prim Ministru Robert Abela u martu Dr Lydia Abela laqgħu lill-President ta’ Malta George Vella u lis-Sinjura Miriam Vella fil-Berġa ta’ Kastilja għal ċena uffiċjali ad unur il-President Vella bħala turija ta’ ringrazzjament għas-servizz li ta lill-Istat Malti. Preżenti kien hemm ukoll il-President-Elett, in-Nutar Myriam Spiteri Debono.

Din hija tradizzjoni li ssir fi tmiem Presidenza u qabel il-bidu ta’ Presidenza oħra fejn ikun mistieden ukoll l-Arċisqof ta’ Malta u anke l-Kap tal-Opożizzjoni flimkien mas-Sinjura tiegħu.

F’indirizz li għamel, il-Prim Ministru Robert Abela fisser lill-President George Vella bħala raġel magħġun b’valuri b’saħħithom. Il-Prim Ministru qal li l-President Vella fittex l-ewwel il-ġid komuni u wera ġest ta’ mħabba kbira lejn il-poplu Malti u Għawdxi meta għat-tul tal-Presidenza tiegħu għażel li jissagrifika lilu nnifsu u ma jaħdimx mill-Palazz tal-Belt. Dan sabiex din il-ġawhra terġa’ lura għall-glorja tagħha permezz ta’ proġett ta’ restawr estensiv li twettaq. Il-Prim Ministru sostna wkoll li l-Istat Malti se jibqa’ rikonoxxenti lejn is-servizz li ta Dr Vella għal Malta.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com