“Wiegħedni li ma tattakkanix, u nneħħulek il-Gummy.” – Storja fittizja

 “Wiegħedni li ma tattakkanix, u nneħħulek il-Gummy.” – Storja fittizja

Qomt inwerżaq, għasra bl-għaraq.

Kien ilu jiġrili hekk minn meta daħlu fina bi ttrakk, u bqat ħajja jien biss. Tlift lil-ġenituri, lil ħuti, u liz-zija Martha, l-unika zija li kelli. Din id-darba, il-ħmar-il-lejl ma kienx bħal tas-soltu. Ma stajtx niċċaqlaq. Xammet riħa qisha ta’ balzmu, u ndunajt li minn għonqi ‘l isfel kont imgeżwra f’ġell vjola.

Jien ngħix waħdi, u meta lmaħt mal-għaxra minn-nies (nies, għedt?) madwar soddti, rehext. Indunajt li ma kontx fil-kamra tiegħi. Fejn kont, kien hemm panewwi bojod biss, built-in, mill-art sas-saqaf.

“Xejn la tinkwieta,” qaltli l-qisha-mara li kienet qisha l-Boss. “Aħna mhux ser nagħmlulek ħsara. Inti l-mistiedna tagħna.” Kos, kif titkellem din… “Hawn fejn jien?”

“Shxshx!” qaltli, u poġġiet il-behem fuq xofftejha. Mela din ma tafx li aħna l-werrej nużaw għal dik il-mossa? “Wiegħedni li ma tattakkanix, u nneħħulek il-Gummy.” Kif qalitha, l-kelma, kienet qisha l-isem tad-ditta.

Mielt rasi. Wieħed mil-qisu-żgħażagħ xeħet dawl vjola fuq il-ġell, li sparixxa, u ma ħallex residwu jew tidlik. Qomt bilqiegħda, u dlonk ftakart fil-platt bajtar tax-xewk u dulliegħ li kelli fil-friġġ għal meta nqum. Sekonda wara, iżżerżqet panewwa minn tal-ħajt, u qisha-żagħżugħa daħlet, bl-skutella tal-frott tiegħi f’id waħda, u flixkun Brio Blu Rosso fl-oħra.

Tbissmitli, u newlithomli. “Trejjaq!” qaltli. Mela dawn kollha bħal tal-antik, jitkellmu?

Il-Boss indikat panewwa oħra. “Dik hija l-kamra tal-banju. Ipponta lejha, u tinfetaħ. Ħu doċċa, u nitkellmu.”  Dħaqt, għax soltu l-holm tiegħi ikun mimli dmija u terrur. “Le, din mhux ħolma. Nispjegalek kollox meta tkun komda.” Dawn jaqraw l-imħuħ!

Kilt, xrobt, u ħadt doċċa (l-ilma kellu riħa ta’ baħar). Meta dħalt lura fil-kamra, is-sodda kienet sparixxiet. Kien hemm skrivanija żgħira b’siġġu fuq kull naħa.

Skont il-Boss, għażluni għax ma kellix familja, u ma kontx naħdem, u l-ġirien kienu drawni li jien ta’ waħdi. Ħadd ma kien ser iħoss in-nuqqas tiegħi. Barraminhekk, il-ħolm ikraħ kien immarka fuq il-magni tagħom. Biex neħles minnu darba għal dejjem, kelli niffirma NDA.

Mhux ser niżvela dak li ġara bejni u bejnhom (jobogħduha l-kelma Aljeni). Offrietli l-elettroerasure, imma m’aċċettajtx; għax ma kontx inkun nista’ nikteb din l-istorja. Minn dakinhar ’l hawn, ma kellix ħolma kerha oħra, waħda li hi waħda.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com