X’kellhom xi jgħidu Ron u Clint dwar il-mass meetings? Aqraw u taraw!
It-tmien episodju ta’ VIP Date ta’ Stradarjali laqqgħet żewġ preżentaturi tar-radju u t-televiżjoni magħrufa lokalment: Ron Briffa u Clint Bajada.
Huma ltaqgħu fir-restorant The Little Red Door fil-Belt Valletta, fejn qasmu platter mill-itjeb filwaqt li raw sensiela ta’ ritratti li ggwidaw il-konverżazzjoni tagħhom sabiex isiru jafu aktar lil xulxin u l-esperjenzi ta’ ħajjithom.
Naturalment, il-konverżazzjoni tagħhom bdiet billi qasmu l-esperjenzi tagħhom bħala preżentaturi. Dan filwaqt li ġeddew il-memorji ta’ meta kienu jippreżentaw diversi avvenimenti flimkien. Clint qal li ilu fir-radju minn meta kellu 14-il sena. L-ewwel programm tiegħu kien ixandru bil-lejl, bejn is-2am u l-4am, mis-Sibt għall-Ħadd. Hu beda jaħdem ma’ One Radio u matul il-karriera tiegħu fir-radju dejjem baqa’ leali lejh. Issa ilu jmexxi l-istazzjon għal dawn l-aħħar 11-il sena.
Min-naħa tiegħu, Ron qal li r-radju vera jħobbu. Meta kien iżgħar kien jisma’ ħafna l-One għax missieru kien jisma’ dak l-istazzjon. Qal li l-ewwel influwenzi tar-radju kien is-Super One. Min-naħa tiegħu, Ron dar ħafna stazzjonijiet differenti matul il-karriera tiegħu.
Huma u jitkellmu, Ron u Clint kellhom l-opportunità li jnaqqru ftit minn platter mimli sa ruħ ommu, ippreparat minn The Little Red Door. Fost l-ikel kien hemm truffle cheese, ġbejna, brie, Parmigiano u ġobnijiet oħrajn. Kellhom ukoll prieżet differenti, inkluż bresaola, salami napoli, parma ham, pastrami u chorizo.
Fost is-suġġetti li tkellmu dwarhom kien hemm is-sorpriżi. Ron qal li ħafna drabi, is-sorpriżi ma jaħdmux fuqu u bħal qisu jinduna meta tkun ġejja xi sorpriża. Clint qal li hu jieħu pjaċir bis-sorpriżi, ħlief meta jkunu fuq ix-xogħol. Ron tkellem dwar dik li għalih kienet l-aktar sorpriża interessanti li qatt irċieva. Qal li meta kien qed jippreżenta l-programm Purè kien mar għal rekording partikolari u nesa jieħu miegħu l-qmis li kellu jilbes. Huwa pprova jagħmel kuntatt ma’ ommu biex iġġiblu l-qomos iżda din ma bdietx twieġbu. Allura kellu jibda l-programm liebes t-shirt minn taħt il-ġlekk. Fil-pront, waqt ir-rekording, għamlulu ċajta u daħħlu lill-ommu bil-qomos fl-istudjo!
Tkellmu wkoll dwar is-suġġett tal-ħin. Clint qal li f’Malta hawn wisq nies u t-traffiku żdied. Qal li allura sirt trid tippjana minn ħafna qabel biex tasal x’imkien fil-ħin, inkella ma jirnexxielekx.
Ron spjega kif hu ħafna drabi jasal tard, imma mhux għax irid. Qal li dan l-aħħar qed jipprova jirregola aktar lilu nniffsu sabiex kemm jista’ jkun jasal fil-ħin.
Id-diskussjoni tagħhom imxiet għall-mass meetings hekk kif it-tnejn li huma f’punti differenti tal-karriera tagħhom kellhom l-opportunità li jippreżentaw mass meetings ta’ partiti differenti.
Clint qal li l-preżentazzjoni ta’ mass meeting ittik esperjenza unika, anke jekk hu mhux xi wieħed li tant iħobb il-politika.
Ron qal li jħoss li l-partiti jfittxu personaġġi lokali sabiex jitfgħuhom fuq quddiem ħalli jattiraw lin-nies f’avvenimenti tat-tip. Sostna kif li kieku kellu jmur lura fiż-żmien, ma kienx jaċċetta li jirrappreżenta avvenimenti politiċi. L-ewwel nett għax l-interess tiegħu fil-politika dejjem kien baxx, iżda wkoll għax jippreferi li xi ħadd jgħidlu li ma jinżillux għax per eżempju ma jaħmilx il-vuċi tiegħu, milli għax kien fuq il-palk ta’ partit politiku li ma jaqbilx miegħu.
Intom lil min tixtiequ li nistiednu bħala parteċipant tal-VIP date li jmiss? Għidulna fil-kummenti! Intant, jekk inti sid ta’ restorant u tixtieq tospita wieħed mill-episodji li jmiss, ikkuntattjana fuq [email protected].