Aħna l-Maltin lil min se nagħtu t-12-il punt din is-sena?
Propju għada s-Sibt se nkunu qed ninġabru quddiem it-televiżjoni, jew f’xi restorant jew bar lokali sabiex insegwu l-finali tal-famuż Eurovision! B’kollox se nisimgħu 26 kanzunetta. Minnhom irridu nivvutaw għall-favorita tagħna, sabiex il-voti tal-Maltin jingħaddu ma’ dawk tal-bqija tal-pajjiżi patreċipanti tal-Eurovision u flimkien ngħażlu l-kanzunetta rebbieħa għal din is-sena.
Aħna ta’ Strada Rjali morna ftit lura fl-istorja tal-Eurovision biex naraw tradizzjonalment, il-Maltin lil min l-aktar jiffavorixxu. Ħarisna lejn l-aħħar 20 sena tal-Eurovision, jiġifieri mill-2003 sal-2023.
Naħseb li mhux se tiġi bħala sorpriża jekk ngħidulkom li l-Maltin ibatu ftit ukoll min-”neighbours syndrome” li jġib miegħu l-Eurovision. Tibda tarana ngergru għax Ċipru tivvota lill-Greċja u l-Iżvizzera tivvota lill-Finlandja, iżda ma nirrealizzawx li aħna nagħmlu l-istess!
Ħarsa lejn l-aħħar 20 sena tal-Eurovision urietna kif Malta tat it-12-il punt lill-Italja f’total ta’ 7 darbiet minn meta l-Italja rritornat lura fil-Eurovision. It-tieni pajjiż li l-aktar ivvutajnielu f’dawn l-aħħar 20 sena kien l-Ażerbajġan b’total ta’ erba’ darbiet. Imbagħad hemm l-Ingilterra u l-Iżlanda li fl-aħħar 20 sena tajnihom 12-il punt darbtejn. Imbagħad f’sena minnhom tajna 12-il punt lill-Awstralja, darboħra lill-Iżvezja, imbagħad lil Ċipru, l-Iżvizzera u l-Ġreċja.
🇮🇹- 2023, 2021, 2019, 2018, 2017, 2015, 2014
🇦🇿- 2013, 2012, 2011, 2010
🇬🇧- 2022, 2007
🇮🇸- 2009, 2003
🇦🇺- 2016
🇸🇪- 2008
🇨🇭- 2006
🇨🇾- 2005
🇬🇷- 2004
Intant, fl-2020 il-Eurovision ma kienx sar minħabba l-Covid-19.
Din is-sena, lil min taħsbu li se nagħtuhom il-punti aħna l-Maltin? Se nkomplu mat-tradizzjoni li t-12-il punt imorru lejn l-Italja jew se nkun qed niffavorixxu xi pajjiż ieħor? Għidulna fil-kummenti!