“Għajjejt nagħtas!” 5 affarijiet li tista’ tagħmel biex ittaffi l-allerġija
Dan hu ż-żmien fejn l-għatis u l-uġigħ ta’ ras ikkawżata mis-sinus jirrenja…speċjalment meta jkollok temp kif kellna fi tmiem din il-ġimgħa. L-allerġiji, ħafna drabi jiġu minħabba polline fl-arja kif ukoll minħabba trabijiet u moffa.
Hekk kif it-temp qed iħawwad iktar mill-Magimix ta’ Nancy, se nkunu qed ngħidulkom ftit affarijiet li tistgħu tagħmlu biex ittaffu s-sintomi. L-ewwel nett, ejja nifhmu ftit x’inhuma s-sintomi komuni: konġestjoni fl-imnieħer u tqaħqieħa, ħaqq fl-għajnejn, il-widnejn, l-imnieħer u l-griżmejn, infieħ fil-kappa tal-għajnejn, irritazzjoni tal-ġilda, u nuqqas ta’ enerġija.
X’tista tagħmel biex ittaffi l-allerġiji?
- Neħħi l-pjanti li taħseb li jista’ jkun qed jikkawżawlek l-allerġija, partikolarment jekk dawn jipproduċu ħafna polline.
- Prova evita li tqatta’ ħafna ħin barra bejn il-5am u l-10am. Organizza attivitajiet fuq barra tard waranofsinhar jew wara li tkun għamlet xita bil-qliel. F’dawn il-ħinijiet il-polline fl-arja jkun ħafna inqas.
- Ibdel il-ħwejjeġ malli tasal id-dar biex ma xxerridx elementi li jqanqlu l-allerġija mad-dar, li jista’ jkun ġibt miegħek minn barra.
- Iggargariżża bl-ilma bil-melħ jekk għandek tingiż u ħakk fi griżmejk.
- Uża xi tip ta’ spray naturali għall-imnieħer biex tnaddfu mill-moffa u polline li jista’ jkun daħlu f’imnifsejk.
Importanti li jekk se tixtri xi tip ta’ mediċina apposta għall-allerġija, titkellem mat-tabib tiegħek u tara li din hija ideali għalik.