‘‘Kulħadd jista jagħmilha’’ – Luke Borg qed idur id-dinja mat-tfalja tiegħu Elena
Ħafna minna nieħdu gost naqbdu ajruplan jew vapur għal xi btala qasira. Imma kieku kellek, titlaq lil pajjiżek u tmur iddur id-dinja? Hekk qed jagħmel iż-żgħażugħ Malti Luke Borg flimkien mal-għarusa tiegħu Elena Petrova. Hekk kif bħalissa il-koppja qed tesplora l-Ażja, speċifikament il-Malażja, tkellimna ftit ma’ Luke dwar din l-esperjenza indimentikabbli.
Meta bdiet l-avventura tagħkom? U x’wassalkom biex fl-aħħar mill-aħħar tiddeċiedu li tibdew idduru d-dinja flimkien?
Il-vjaġġ beda fl-ewwel ġimgħa ta’ Jannar ta’ din is-sena, u konna ilna ħafna naħsbuha. Is-safar huwa passjoni tagħna t-tnejn, u wasalna f’punt li kellna bżonn waqfa mir-rutina u l-ħajja mgħaġġla. B’hekk iddeċidejna li nħallu kollox warajna għal bosta xhur biex ikollna esperjenza li żgur mhu ser ninsew qatt!
Liema kienu l-iktar postijiet li impressjonawkom s’issa?
Bla dubju il-Kambodja, pajjiż li ma tantx kellna aspettazjonijiet għalih imma joffri ftit minn kollox. Huma nies li jilqgħuk bi ħġarom u nazzjon li qed jaħdem ħafna biex jitjieb. Nixtieq insemmi wkoll il-belt ta’ Da Nang fil-Vjetnam, fejn xtaqna bqajna għal iktar żmien.
Hemm xi praspura mill-vjaġġ tagħkom s’issa li żgur tibqgħu tiftakru?
Kull fejn nistgħu qed nivjaġġaw fuq l-art permezz ta’ xarabank minflok b’ajruplan, u l-itwal vjaġġ namluhom bil-lejl għax f’dawn ix-xarabanks ikollok sodda għalik – kellna praspura sew f’waħda minnhom!
Normalment il-biljetti naqtgħuhom online, imma fl-Indja is-sistema online mhux ta’ min jafdaha u aħjar tuża aġent. Bażikament, l-aġent ħa żball fid-data u qatalna biljetti f’ġurnata ħażina. Indunajna f’dik l-istess ġurnata, u bilfors kellna nivjaġġaw dakinhar. Mingħajr wisq ċans biex nagħmlu riċerka, pruvajna naqtgħu l-biljetti waħedna online.
Malli wasalna fil-punt minn fejn kellha titlaq ix-xarabank, insibu maħżen fl-imwarrab u nies jgħabbu l-kaxxi ġox-xarabank u jorbtu aktar merkanzija fuq is-saqaf. Ma tara l-ebda turist, nies tal-lokal biss, u ovvjament bdejna ngħidu ‘Ġejja tagħna’.
Apparti li x-xarabank kienet vera maħmuġa minn ġewwa, vjaġġ ta’ 12-il siegħa sar ta’ 20 siegħa, b’ħafna waqfiet biex iħottu u jgħabbu l-merkanzija matul il-lejl kollhu u lanqas stajna niċċaqalqu. Vjaġġ li ma ried jispiċċa qatt!
Kif sibtukom tivvjaġġaw flimkien u x’suġġerimenti prinċipali tagħti lil min hu interessat jagħmel bħalkom?
F’diversi pajjiżi għamilna ħbieb li huma koppji li qed jagħmlu l-istess bħalna. Il-ħajja qasira u d-dinja kbira – hemm ħafna x’tara hemm barra!
Suġġeriment għal min jixtieq jivjaġġa fit-tul huwa l-importanza tal-flessibilta. Għalkemm xi tip ta’ pjan irid ikollok, għax fil-maġġoranza tal-pajjiżi fl-Ażja l-Ewropej għandom bżonn Visa (li hija faċli ħafna biex tapplika għaliha online), sabiħ li jkollok flessibilta illi jekk għoġbitek belt, toqgħod aktar fiha. Ħafna drabi estendejna ż-żmien f’postijiet li għoġbuna, u jirnexxielna nibbukjaw fejn ser norqdu ftit jiem biss qabel ma naslu.
Mhux qed nagħmlu xi ħaġa impossibli, jew li ħaddieħor mhux kapaċi jagħmel ukoll. Anzi, nixtiequ nuru li hija ħafna iktar faċli milli tista taħseb. Bi ftit ippjanar kif suppost, kulħadd jista jagħmilha.
X’imiss iktar fil-vjaġġ tagħkom? Hemm xi pjanijiet partikolari jew qed toħduha ġurnata b’ġurnata?
Bħalissa qed nesploraw il-Malażja. Ftit tal-ġimgħat oħra ser nirritornaw lura Malta għal ftit żmien, imma għandna ħafna aktar avventuri ppjanati li dalwaqt se nkunu qed nesperjenzaw.