Malta ssir il-ħames favorita wara d-dress rehearsal tat-tieni semi finali
Għalkemm ‘Loop’ ta’ Sarah Bonnici sabet ruħha fl-aħħar post fil-probabbiltajiet ta’ rebħ għall-Eurovision 2024, id-dress reherseal eċċezzjonali tagħha ilbieraħ wasslet biex il-ġurnalisti barranin ikklassifikaw lil Malta fil-ħames post minn sittax-il kanzunetta li qed jikkompetu fit-tieni semi finali.
Dan ir-riżultat sorprendenti, kompilat mis-sit elettroniku internazzjonali ESC Extra, ġie determinat minn 88 ġurnalist minn madwar id-dinja, li kienu qegħdin isegwu l-prova tal-kantanta Maltija b’mod dirett u setgħu jagħżlu biss l-aktar 3 wirjiet favoriti tagħhom mis-semi finali. Total ta’ 17 minn dawn il-ġurnalisti taw wieħed mit-tliet voti tagħhom lil Malta.
Kif mistenni, l-Iżvizzera kisbu l-ewwel post f’dan il-vot. Il-kanzunetta ‘The Code’ ta’ Nemo hija uffiċjalment waħda mill-favoriti li tirbaħ il-konkors ta’ din is-sena, flimkien ma’ ‘Rim Tim Tagi Dim’ ta’ Baby Lasagna li qed tirrapreżenta lill-Kroazja, u li diġa għaddiet għall-finali tas-Sibt mill-ewwel semi finali.
Il-ġurnalisti rnexxielhom jaqtgħu 8 mill-għaxar finalisti tal-ewwel semi finali, hekk kif ħasbu li l-Awstralja u l-Iżlanda kienu ser isibu ruħhom fil-finali, mentri fil-verita minflok kienu Slovenja u Serbja li għaddew.
Sarah Bonnici ser tkun qegħdha tiftaħ it-tieni semi-finali tal-lejla ġewwa Malmo fl-Iżvezja. Ilkoll qegħdin nisperaw li din tkun l-opportunita perfetta għal Malta biex tikkompeti fil-finali tal-Eurovision għall-ewwel darba mis-sena 2021, meta pajjiżna kien kiseb is-seba post fil-finali permezz ta’ ‘Je Me Casse’ kantata minn Destiny.