X’nambuhom is-siġar u ż-żoni ħodor!

 X’nambuhom is-siġar u ż-żoni ħodor!

Kemm minnha matul il-ħafna vjaġġi li għamlu u għandhom jagħmlu ta’ kuljum fil-karozza privata tagħhom jagħtu kas tas-siġar u taż-żoni ħodor li hemm mifruxin matul it-traġitti tagħna? Wisq probabbli ftit minna qatt għamlu dan ladarba moħħna jkun f’li naslu fil-ħin għax-xogħol jew għall-appuntamenti li jkollna, jew jekk aħniex se nsibu parking sura.

Però, imbagħad, jiġri li meta jieqaf it-traffiku, xi drabi, nibdew nagħtu kas tal-landscaping f’ċerti żoni li kellhom il-fortuna jgawdu minn dan il-proċess ta’ sbuħija, żoni fejn tara varjetà ta’ siġar li ħarbu ż-żabra qattiela u jafu lil nannietna tfal, fjuri varji li jlewnu l-jum griż u mimli stress tagħna u anki xi funtana żgħira tarmi l-ilma.

Hemm imbagħad dawk il-mumenti meta bħal nitbiegħdu mill-kaos tal-bliet u nibdew nilmħu rqajja’ wesgħin ta’ raba’ li matul l-istaġun tar-rebbiegħa jilbsu libsa safra b’eluf ta’ lellux jew qarsu, jew libsa ħamra bis-silla jew bil-peprin li jiksu l-ġnub tat-toroq u bħal ipaxxu l-għajn u l-ispirtu uman.

Huma dawn il-waqtiet meta bħal leħen minn ġewwa fina jibda jtarrfilna kemm hija ta’ min japprezzaha l-isbuħija naturali, f’kuntrast mal-bliet u rħula li llum sfurtunatament qed jimtlew bi blokkijiet dejjem jogħlew aktar ’il fuq ta’ konkrit li qegħdin saħansitra jisirqulna mill-ikħal sabiħ tas-sema.

Filwaqt li ta’ min jikkundanna aġir irresponsabbli meta s-siġar jinżabru b’mod goff, huwa ta’ min ifaħħar id-deċiżjoni li nieħdu ħsieb is-siġar ‘anzjani’ li ilhom jakkumpanjawna sa minn qabel twelidna u fl-istess ħin inkomplu niżirgħu dejjem iktar siġar matul it-toroq tagħna, filwaqt li nkomplu nagħtu l-ħajja lil roundabouts, central strips u żoni oħra żgħar bħal dawn.

Trid tibqa’ għaddejja bla waqfien il-manutenzjoni u t-tisqija ta’ siġar u żoni bħal dawn biex ma jinbidlux f’irkejjen mimlijin ħaxix ‘ħażin’ u zkuk nexfin ftit wara. Aġir responsabbli ieħor huwa dak li ma narmux dak li ma jkollniex bżonn fil-karozzi tagħna – bħal sigaretti użati, fliexken, karti maħmuġin, u l-bqija – fl-ewwel roqgħa ħamrija li nieqfu ħdejha.

Ambjent nadif u sabiħ jgħin biex jitrawwem poplu hieni u inqas stressjat.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com