Proattivi Għal San Ġwann B’Ambjent Sostenibbli – Tnedija Ta’ Konsultazzjoni Pubblika

 Proattivi Għal San Ġwann B’Ambjent Sostenibbli – Tnedija Ta’ Konsultazzjoni Pubblika

Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann hekk kif din il-ġimgħa l-Gvern Ċentrali nieda għaxar pilastri ewlenin li fuqhom għandhom ikunu msejsa l-Gvernijiet Lokali, laqqa’ numru ta’ stakeholders ewlenin bl-għan li jimbotta l-quddiem politika u strateġija favur żvilupp sostenibbli permezz ta’ trasport alternattiv, rikreazzjoni u spazji miftuħa. L-10 prinċipji ta’ din l-istrateġija fost oħrajn jinkludu l-aċċessibiltà, is-saħħa, l-ambjent u l-indafa.

Bosta kelliema ħarġu b’mod evidenti minn studji kif bejn 50-70% tat-tniġġis fl-arja ġej mill-karozzi. Ġew aċċennati l-importanza tal-mixi, l-eżerċizzju fiżiku u l-użu tar-rota. Issemmiet l-importanza ta’ aktar spazji ħodor miftuħa, aktar tħawwil ta’ siġar u postijiet rikreattivi. Issemmew ukoll numru ta’ inizjattivi u fondi governattivi bl-għan li jedukaw u jsostnu dawn l-ideat. Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann mistenni jħejji dokument dettaljat dwar il-punti li qamu minn dan il-forum konsultattiv bl-għan li jservi ta’ “blue print” u jiġu ntrodotti miżuri ġodda f’dan ir-rigward.

Is-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech faħħar il-proattivita` tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann permezz ta’ dan il-forum konsultattiv bejn numru ta’ NGOs, stakeholders, residenti u politiċi minn kull naħa, fejn qamu punti varji fuq modi differenti ta’ trasport, ambjent sostenibbli u kif ukoll użu aħjar ta’ spazji miftuħa u rikreattivi, għal San Ġwann dejjem aħjar. Is-Sindku esprima wkoll is-sodisfazzjon lejn attendenza nkoraġġanti ħafna, u rringrazzja lil kull min attenda u wiegħed li l-Kunsill se jkun qed jieħu bis-serjetà dak li ħareġ minn dan il-forum.

Il-Ministru Miriam Dalli stqarret kif “l-għan aħħari tagħna huwa li noffru kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji tagħna. Permezz ta’ metodi ta’ transport ġodda u spazji miftuħa nkunu qed innaqqsu t-tniġġiż b’impatt dirett fuq saħħitna u dik t’uliedna. Il-kunsilli lokali għandhom rwol mill-aktar importanti biex flimkien nibdew nagħmlu differenza pożittiva. Huwa pożittiv li l-kunsill lokali ta’ San Ġwann ħa l-inizjattiva li janalizza l-għażliet differenti li għandna quddiemna biex ikollna proposti li nistgħu naddottaw.”

Il-Ministru José Herrera qal kemm hu “kuntent li wara li l-Gvern ħareġ d-dokument tiegħu fuq il-politika għall-governanza lokali, l-kunsill lokali ta’ San Ġwann kien pront u ħa inizjattiva f’dan ir-rigward. Id-dokument imfassal huwa direzzjoni dwar politika ħolistika bbażata fuq 10 pilastri. Wieħed minn dawn il pilastri huwa l-ambjent, li jinkludi l-klima. Din il-konsultazzjoni pubblika appuntu tindirizza dan l-aspett importanti.”

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif b’fondi tal-Unjoni Ewropea qegħdin isiru diversi proġetti biex inwettqu dak li jissejjaħ modal shift, li nibdlu l mod kif namministraw it-traffiku f’pajjiżna kif ukoll nużaw forom differenti ta trasport li jkun ta benefiċċju għal ħafna raġunijiet fosthom it-tnaqqis tal-emissjonijiiet, u t-tnaqqis tal-konġezzjoni. Dawn huma bidliet importanti li rridu nagħmlu, li għalihom rridu ninvestu f’infrastruttura li tkun tolqot lil kulħadd għal aħjar biex pajjiżna jkompli miexi l quddiem.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima faħħar il-proattivita` tal-Kunsill Lokali San Ġwann li qed iressaq numru ta’ ideat u inizjattivi għal spazji miftuħa, spazji li jistgħu jintużaw għar-rikreazzjoni, u li fuq kollox jassiguraw li l-komunitajiet u l-familji tagħna ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Dr Grima sostna li l-Gvern se jkompli jaħdem id f’id flimkien mal-Gvernijiet Lokali sabiex isir titjib fil-livell tal-għixien tal-poplu Malti u Għawdxi.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com