L-Amerika Tapprova l-Vaċċin Tal-Moderna
Il-Gvern Amerikan approva l-vaċċin tal-kumpanija Moderna. Dan il-vaċċin kontra l-virus tal-Covid-19 huwa t-tieni wieħed li ġie approvat u b’hekk witta t-triq għal miljuni ta’ dożi oħra.
L-FDA, awtorizzat il-vaċċin Amerikan ġimgħa wara li approvat il-vaċċin tal-Pfizer/BioNTech li bħalissa qiegħed jitqassam fost diversi stati Amerikani.
It-Tnejn li ġej, dan il-vaċċin mistenni jiġi approvat ukoll mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini biex b’hekk ikun jista’ jibda jingħata fost il-pajjiżi Ewropej, fosthom Malta.
L-Istati Uniti qablet li tixtri madwar mitejn miljun doża tal-Moderna, b’sitt miljun doża diġà huma lesti biex jintbagħtu bil-baħar.
L-Amerka għandha l-ogħla numru ta’ mwiet bil-Covid-19 u każijiet pożittivi. Fl-aħħar xhur ġew irrapportati aktar minn 315,000 mewt u 17.5 miljun infezzjoni.
Il-Kummissarju tal-FDA Stephen Hahn qal li l-approvazzjoni b’emerġenza tal-vaċċin immarka pass ieħor kruċjali fil-ġlieda kontra din il-pandemija globali li qed tikkawża numru kbir ta’ każijiet fl-isptarijiet u mwiet fl-Istati Uniti.