“Mhux Veru Li Qed Jitħallsu €250,000 Kuljum Għall-Kuntratt Tal-Isptarijiet” – Joseph Muscat
L-ex Prim Ministru Joseph Muscat ċaħad b’mod kategoriku l-allegazzjoni tal-Oppożizzjoni li t-tax payers Maltin qegħdin iħallsu mal-kwart ta’ miljun ewro kuljum għall-kuntratt tal-isptarijiet.
Dr Muscat qal dan fix-xhieda tiegħu f’kawża li fetaħ l-ex kap Nazzjonalista Adrian Delia dwar il-proġett tal-isptarijiet Karin Grech, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Isptar San Luqa.
Fix-xhieda tiegħu, Dr Muscat ċaħad ukoll li dawn l-isptarijiet inbiegħu lill-barranin.
“L-isptarijiet tal-Gvern u tal-poplu Malti baqgħu u ħadd ma biegħ sptarijiet, iżda huma b’ċens temporanju mogħti għal 30 sena. Fl-aħħar mill-aħħar dawn baqgħu tal-poplu Malti”, qal Dr Muscat.
Huwa ċaħad ukoll li ma sar xejn f’dawn l-isptarijiet u elenka ħidma li saret mill-kumpanija li qed tmexxi dawn l-isptarijiet.
Fost oħrajn saret skola medika ġdida f’Ghawdex b’investiment ta’ €35 miljun, żieda ta’ 28 sodda f’Karen Grech għal pazjenti bil-COVID, titjib fl-air aimbulance bejn Għawdex u Malta, clincal laboratory ġdid fl-isptar t’Ghawdex u Orthotics u Prosthetics Unit fl-isptar Karen Grech. Madankollu, Dr Muscat żied jgħid li ma sarx biżżejjed.
Dwar il-proċess tal-għażla, Dr Muscat qal li kien hemm bord tal-għażla li ħa ħsieb huwa x-xogħol dwar is-sehem tal-privat fil-qasam tas-saħħa.
“Jien qatt ma ndħalt u ma intervjenejt fl-ebda proċess għax Allaħares jindaħal il-Prim Ministru għax jivvizzja l-proċess kollu”, qal Dr Muscat. Qal li l-għażla saret fuq il-kriterji li kienu fir-Request for Proposals li tant kienu mfassla tajjeb li beda jintuża bħala benchmark.
Żied li d-deċiżjoni dwar is-sehem tal-privat fil-qasam tas-saħħa kienet tal-Kabinett u mhux tiegħu jew ta’ xi Ministru tant li kien hemm 12-il deċiżjoni tal-kabinett dwar kif il-Gvern kellu jimxi fil-qasam tas-saħħa.
Dwar l-involviment ta’ Steward Healthcare fil-proġett tal-isptarijiet, Joseph Muscat qal li meta l-Gvern kien iffaċċjat b’sitwazzjoni fejn kumpanija ewlenija Amerikana li kienet qed tara kif tespandi l-orizzonti tagħha, riedet tidħol f’Malta, kien ikun irresponsabli l-Gvern m’ghamel xejn dwarha. Spjega li bir-regoli tal-UE dwar l-użu tal-fondi pubbliċi, l-uniku mod kif seta’ jsir żvilupp sostenibbili u aċċellerat fil-qasam tas-saħħa, kien bl-involviment tas-settur privat.
Dr Muscat sostna li l-qasam tas-saħħa jibqa’ sostenibbli jekk inkunu kapaċi ndaħħlu l-flus minnu mingħajr ma nitolbu ħlas lill-pazjenti Maltin u Għawdxin.
“Dan isir billi jew inġibu pazjenti barranin li jħallsu jew inġibu studenti barranin biex jistudjaw f’pajjiżna. Permezz ta’ dan l-investiment ġibna skola medika ta’ reputazzjoni internazzjonali f’Għawdex. B’dan il-mod nassiguraw is-sostenibbiltà fit-tul tal-qasam tas-saħħa.”, qal Muscat.
Joseph Muscat żied jgħid li meta sar Prim Ministru sab li d-Dipartiment tas-Saħħa kien qiegħed jikkrolla u ma kienx hemm flus biex jinxtraw il-mediċini, aħseb u ara kemm seta’ jsir investiment fil-qasam tas-saħħa.