Il-Każ Ta’ Qtil U Stupru Ta’ Kużra: Diversi Dubji Dwar Is-Sentenzi Li Nqatgħu Fil-Passat

 Il-Każ Ta’ Qtil U Stupru Ta’ Kużra: Diversi Dubji Dwar Is-Sentenzi Li Nqatgħu Fil-Passat

Il-femiċidju f’Malta mhuiex fenomenu riċenti. Storikament f’Malta kien hawn għadd ta’ nisa li nqatlu u li sal-lum il-każijiet tagħhom għadhom mhux solvuti.

Fost ħafna femiċidji oħrajn, f’Malta seħħ il-każ ta’ Duminka Galea, tfajla Maltija li sfat vittma ta’ omiċidju li seħħ fil-limiti tan-Naxxar nhar l-Erbgħa 14 ta’ April 1869. Waqt li kien qed jiġi nvestigat dan il-qtil, irriżulta wkoll li Duminka Galea kienet ġiet stuprata.

Id-direttur Lara Azzopardi ħadmet id-dokudrama Kużra li jirrakkonta l-istorja misterjuża ta’ Duminka Galea, magħrufa bħala Maria Goretti ta’ Malta, filwaqt li janalizza l-istorja mill-lenti psikologika u jinvestiga diversi aspetti ambigwi tal-każ, inklużi in-nuqqasijiet fl-investigazzjoni u fil-proċeduri tal-qorti.

Fil-verità, wieħed jista’ jgħid li l-każ ta’ Kużra kien inqata’, hekk kif raġel magħruf bħala Ċikku Schembri kien ġie kkundannat bl-istrupru u l-qtil. Minkejja dan, id-dokudrama nnifsu jqajjem diversi mistoqsijiet dwar jekk verament saritx ġustizzja dwar dan il-każ, minħabba li dak iż-żmien ma kienx issir ittestjar tad-DNA u b’hekk il-qorti kienet toqgħod biss fuq dak li jingħad mix-xhieda. Id-dokudrama jqajjem mistoqsijiet dwar x’kien ikun ir-riżultat tal-investigazzjonijiet kieku dan il-każ seħħ illum, f’era fejn l-investigaturi għandhom teknoloġija vasta li tgħinhom jassiguraw aktar trasparenza fil-proċess ġudizzjarju. Punt ieħor li jqajjem diversi dubju dwar il-każ huwa l-fatt li dak iż-żmien fil-qorti kien jiġi mitkellem it-Taljan u b’hekk il-persuni li kienu jidhru quddiem il-qorti, bħala akkużati jew xhieda, ġeneralment ma kienux jifhmu dak li jkun qiegħed jintqal.

Il-film sħiħ se jkun jkun qed jintwera fuq TVM fil-ġimgħat li ġejjin.

Segwi t-trailer ta’ din il-produzzjoni Maltija li rebħet diversi unuri internazzjonali hawn.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com