“Maż-żmien Se Nibnu Preżenza Qawwija F’Kull Distrett” – Ikellimna L-Kap Tal-Partit Popolari
X’inhu l-għan tal-partit li twaqqaf?
Waqqafna l-partit għax ħassejna li l-interessi ta’ parti kbira miċ-ċittadini Maltin, u saħansitra tal-maġġoranza tal-Maltin, m’għadhomx rappreżentati mill-partiti tradizzjonali. F’dawn l-aħħar snin il-partiti l-kbar, u anki dawk iżgħar, tista’ tgħid li kollha għandhom l-istess twemmin u policies. Jekk taqbad il-programm ta’ partit u twaħħallu l-qoxra ta’ partit ieħor, ħadd ma jinduna. Dwar l-ekonomija, il-partiti l-kbar it-tnejn li huma ħadmu fil-prattika biex bnew l-ekonomija taċ-cheap labour li għandna llum. Dwar l-immigrazzjoni, it-tnejn li huma ħallew il-bieb miftuħ u tkellmu dwar burden sharing, politika li qatt ma setgħet taħdem. Illum, it-tnejn qegħdin jikkundannaw lill-ħaddiem meta jipprotesta dwar is-sitwazzjoni li ġabuh fiha. Iż-żewġ partiti qed jappoġġaw fis-sustanza l-Att dwar l-Ugwaljanza, li jinkludi restrizzjonijiet fuq l-espressjoni reliġjuża, kif ukoll li jintroduċi kwoti skont il-ġeneru. Jiġifieri minflok jiġġieldu d-diskriminazzjoni qegħdin iżiduha huma stess, dejjem biex ikunu mal-moda bħal sħabhom madwar l-Ewropa.
Sadanittant, il-ħaddiem u nies ta’ valuri baqgħu mingħajr għażla politika. Jew ikollhom jagħżlu l-inqas wieħed ħażin miż-żewġ partiti tradizzjonali (ħaġa dejjem iktar diffiċli, għax ma tarafhomx wieħed mill-ieħor), jew jibqgħu d-dar fl-elezzjoni. Malta mhijiex pajjiż fejn huwa faċli li twaqqaf partit u jkollok vuċi fil-parlament. Aħna, madankollu, minflok nirrassenjaw ruħna, iddeċidejna li nieħdu dan l-impenn kbir. Irridu li nerġgħu nagħtu l-għażla lill-elettorat Malti, biex fl-elezzjonijiet mill-ġdid jibda jagħżel hu d-direzzjoni li fiha jixtieq li jmur il-pajjiż. Hija missjoni diffiċli, imma li hija wkoll ferm importanti. Irridu nerġgħu nagħtu l-ħajja lid-demokrazija f’Malta.
Fuq liema ideat u prinċipji?
Il-Partit Popolari huwa partit konservattiv u riformista. Inħarsu lejn il-futur, imma rridu niddefendu prinċipji li jibqgħu jgħoddu f’kull żmien, bħall-indipendenza u l-ħarsien tal-fruntieri, bħad-dritt għall-ħajja, bħall-familja, bħall-meritokrazija u n-non-diskriminazzjoni, bħal-libertà tal-espressjoni, bħal li l-gvern ikun il-qaddej taċ-ċittadin u mhux sidu. Aħna partit li se jkejjel is-suċċess tiegħu wkoll b’jekk ikunx kapaċi jtejjeb il-qagħda tal-ħaddiem. Dan ukoll huwa prinċipju fundamentali tagħna.
Bi ħsiebna nkunu partit li jirrappreżenta lil Malta fl-Ewropa u mhux lill-Ewropa f’Malta. Għalina, is-sħubija fl-UE tagħmel sens biss sakemm tibqa’ fl-interess fit-tul ta’ Malta u tal-poplu Malti. Mhijiex xi fissazzjoni bħal ma hi għal xi partiti oħra. Il-mument li ma tibqax fl-interess ta’ pajjiżna, meta tqis il-vantaġġi u l-iżvantaġġi kollha, lesti li ngħidu dan b’mod ċar liċ-ċittadin Malti. M’aħna konvinti xejn li partiti oħra lesti li jagħmlu dan, anki jekk huwa d-dmir tagħhom bħala rappreżentanti taċ-ċittadin Malti.
Wieħed mill-ewwel proġetti li ħdimna fuqu aħna u niffurmaw il-partit kien dokument dwar it-twemmin bażiku tal-partit, li aħna nsejħulu l-Pilastri tal-Partit Popolari. Hemm, f’żewġ paġni, wieħed isib il-proġett politiku kollu tagħna. Mill-feedback li kellna s’issa, il-maġġoranza l-kbira qablu mal-prinċipji tagħna, u saħansitra rawhom naturali jekk mhux ovvji. Madankollu, pajjiżna bħalissa mhuwiex immexxi fuq dawn il-prinċipji u l-ebda partit ieħor ma jħaddanhom.
Temmen li se tagħmlu differenza?
Dwar dan għandna fiduċja kbira. Minbarra l-funzjoni ta’ rappreżentanza politika li jaqdu, f’Malta l-partiti jafu jkunu sors ewlieni ta’ ħsieb politiku, f’pajjiż fejn is-soċjetà ċivili iktar tirrifletti l-fehmiet tal-establishment milli tmur kontrihom. Fil-passat rajna partiti ġodda li kellhom ideat tassew ġodda u differenti minn tal-partiti l-oħra jagħmlu impatt qawwi fuq ix-xena politika Maltija, u llum l-ideat tagħhom huma mifruxa ħafna fost il-partiti u fil-ħsieb politiku tal-poplu. Dan minkejja li ċ-ċirkostanzi, u l-għażliet li għamlu huma stess, ma ppermettewx li jkollhom suċċess elettorali fit-tul. Dan seħħ kemm fis-snin sittin bil-PDN ta’ Ganado, kif ukoll fis-snin disgħin bl-AD.
Fi żmienna, jinħass bżonn kbir ta’ strutturi politiċi konservattivi li jisfidaw il-fehmiet dominanti tal-establishment politiku u akkademiku u jwasslu għal dibattitu politiku ħaj f’Malta. Il-qawmien ta’ partit politiku ġdid f’dan l-ispazju politiku jaqdi din il-funzjoni, u aħna ċerti li se jkollu effett ta’ benefiċċju kbir.
Madankollu, nemmnu li l-ikbar impatt se jinkiseb fix-xena politika nnifisha. Dan għax il-pożizzjoni politika tagħna hija waħda ta’ nofs l-elettorat u aktar, u għalhekk il-preżenza tagħna tista’ tagħti bidu għal tibdil kbir politiku li jaf jinvolvi wkoll partiti oħra. Sitwazzjoni fejn il-partiti kollha huma skjerati fuq naħa waħda, u n-naħa l-oħra hija vojta mhijiex waħda li tista’ tkun stabbli fit-tul. Tista’ ddum biss sakemm jidħol partit li jibda jimla dak l-ispazju kbir li tħalla vojt.
Temmnu li tistgħu teliġġu persuna minn fostkom fil-Parlament?
Bla dubju iva, u dħalna għal din il-ħidma għax nemmnu li l-possibiltà li nibdlu l-affarijiet, anki fil-Parlament, teżisti.
L-għan tagħna huwa li maż-żmien nibnu preżenza qawwija f’kull distrett. Madankollu, huwa għan li jitlob ħidma kbira matul numru ta’ snin. M’hemm xejn li se jiġi waħdu. In-nies mhumiex se jafdawna bil-vot tagħhom biss għax jaqblu ma’ dak li ngħidu, jew mal-prinċipji tagħna, għalkemm dan huwa bidu. Iridu jkunu konvinti li aħna partit kredibbli u li tista’ tafdah, u li jaf x’inhu jagħmel, u jridu jkunu konvinti wkoll dwar il-kandidati.
Naturalment, jiddependi wkoll fuq meta sseħħ l-elezzjoni. Ir-riżultat tagħna se jirrifletti wkoll l-istadju li nkunu wasalna fih fl-iżvilupp tagħna bħala partit. Imma rridu ngħidu li l-ħidma tagħna mhijiex mibnija madwar elezzjoni waħda, imma bi ħsiebna li minn sena għal oħra u minn elezzjoni għal oħra nippreżentaw ruħna quddiem l-elettorat b’għażla dejjem aktar kredibbli, u b’partit dejjem aktar organizzat u effiċjenti li jkun kapaċi jservi liċ-ċittadin dejjem aħjar.
X’taħsbu fuq is-sitwazzjoni politika Maltija?
Hija sitwazzjoni li tassew teħtieġ bidla. Kif għidt aktar ‘il fuq, tista’ tgħid il-partiti kollha għandhom l-istess twemmin u jirrappreżentaw biss faxxa waħda tal-pajjiż, u settur kbir tal-poplu llum huwa bla vuċi.
Għandek xejriet inkwetanti ħafna, fejn anki l-fergħat taż-żgħażagħ tal-partiti tradizzjonali llum qegħdin jieħdu pożizzjonijiet radikali fuq kwistjonijiet bħall-abort, imma wkoll fuq il-migrazzjoni, dejjem biex jippruvaw ilaħħqu mal-moda tal-mument. Jekk dawn il-partiti mhumiex qed jirrappreżentaw lill-poplu llum aħseb u ara la jibdew imexxuh politiċi li llum huma f’dawn il-fergħat taż-żgħażagħ. Ma nistagħġeb xejn jekk fi ftit snin se naraw lill-PN jappoġġa l-abort u lill-PL iwarrab għal kollox lill-ħaddiem, bħalma għamlu qablu partiti soċjalisti fl-Ewropa, biex ikun hu wkoll mal-moda.
Dan biex ma nsemmux kwistjonijiet bħall-finanzjament tal-partiti, il-klijenteliżmu u x-xiri tal-voti bi pjaċiri u impjiegi qabel l-elezzjonijiet. Id-direct orders kbar anki lil politiċi jew nies qrib tagħhom, anki dawk li l-aktar jitkellmu dwar valuri, ma naqsu qatt taħt l-ebda gvern. U kull meta jkun hemm xi leak madwar id-dinja minn ċentri ta’ ħasil ta’ flus, jew għallinqas ta’ ħabi ta’ flus, dejjem ikun hemm politiċi ewlenin Maltin fuqha.