Ġej Żmien L-ikel … L-Istorja Bl-Ikel Mill-Prinjolata Sal-Figolla
L-istorja tagħna hija marbuta mal-ħlewwiet jew ħobż varju li minnu nnifsu jirrakkonta storja. Sebastian Debono, Direttur tal-kumpanija Maypole qalilna li dan huwa dak li jseħħ matul is-sena kollha, iżda b’mod partikolari matul dawn il-jiem.
Prinjolata – Bħala preludju għar-Randan, insibu l-Karnival, li huwa marbut mal-prinjolata. Il-Karnival iddaħħal f’pajjiżna fis-snin 1400 u kiseb popolarità iktar wiesa fi żmien il-Kavallieri. Il-Prinjolata kienet dejjem preżenti, li pero setgħet tittiekel sa lejl qabel ma jibda r-randan, f’Ras ir-Randan.
Kwareżimal – kif jibda r-Randan jitfaċċa l-Kwareżimal. Oriġinarjament il-Kwareżimal kien isir mingħajr bajd jew butir minħabba li lura fiż-żmien dawn, flimkien mal-laħam, kien meqjusa bħala ikel li ma għandux jintmiss waqt ir-Randan. Interssanti iżda li z-zokkor seta’ jittiekel minħabba li kien meqjus bħala “spice”.
Hot Cross Buns – L-istorja tatribwixxi l-oriġini tal-Hot Cross Buns lill-Patri Thomas Rodcliffe li fl-1361 beda jqassam dawn il-buns, bil-forma tas-salib fuqhom, lill-foqra fil-Ġimgħa l-Kbira f’St Albans, l-Ingilterra. Dawn huma magħmula mingħajr ħalib, hekk kif kienet titlob it-tradizzjoni għal matul ir-randan. Jittieklu sħan jew toasted.
Il-Qagħqa tal-Appostli – hekk kif titfaċċa l-Ġimgħa Mqaddsa titfaċċa wkoll il-qagħqa tal-Appostli. Din ukoll għadha storja twila marbuta ma’ pajjiża u jidher li oriġinat mill-insara Griegi u Armeni li kienu jgixu f’pajjiżna. Il-forma tal-qagħqa kienet differenti wkoll. Fil-passat kienet qisha malji tal-ħobż imsajrin flimkien.
Karamelli tal-Ħarrub u Ġulepp ta-Ħarrub – minħabba li z-zokkor ma kienx meqjus bħala xi ħaġa projbita matul ir-randan, dwan kienu jitfaċċaw fil-Ġimgħa l-Kbira. Din is-sena sfortunatament mhux se jsiru l-purċissjonijiet però żgur li fil-passat innutajtu xi mejda tbigħ dawn il-ħlewwiet.
Il-Figolla – meta konna żgħar il-figolla setgħet tittiekel biss wara li qniepen tal-Knejjes iħabbru l-Irxoxt. Il-Figolla ilha magħna mijiet ta’ snin u probabilment ġiet minn Sqallija fejn kienu jsiru galettini li kienu marbuta ma’ festi Reliġjużi u li kienu jieħdu l-forma tal-figura skont il-festa ċċelebrata. Min hemm ġiet il-kelma figurini, u biż-żmien, figollini u figolli.
“L-istorja tista tiġi rrakkuntata permezz tal-ħobż, ħlewwiet jew ikel li nieklu matul is-sena. Forsi jkun tajjeb jekk is-sistema edukattiva wkoll tinkludi dawn it-tip ta’ suġġetti sabiex niżguraw ruħna li t-tradizzjonijiet ma jieqfux” qal Sebastian Debono.
Ritratti: Facebook/ Maypole