Jitħabbru Numru Ta’ Kundizzjonijiet Ġodda Fil-Ftehim Bejn Il-Gvern U L-MUMN…

 Jitħabbru Numru Ta’ Kundizzjonijiet Ġodda Fil-Ftehim Bejn Il-Gvern U L-MUMN…

Intlaħaq qbil bejn il-Gvern u l-MUMN fuq numru ta’ kwistjonijiet fir-rigward ta’ infermiera u professjonisti oħra tas-saħħa ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea li jiġu ingaġġati fis-settur pubbliku.

Fi tmiem żewg laqgħat li saru bejn ir-rappreżentanti tal-Gvern, immexxija mis-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar, u l-Unjon tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN), immexxija mis-Sur Paul Pace, u b’konsultazzjoni mal-Aġenzija Identity Malta, intlaħaq qbil li b’seħħ immedjat l-Aġenzija tibda tħaddem dawn il-proċeduri li jissostitwixxu l-proċeduri użati sa issa.

  1. Permess ta’ Residenza validu għal tliet snin

Primarjament intlaħaq ftehim sabiex l-Aġenzija Identity Malta tibda toħroġ permess ta’ residenza għal tliet snin minflok kull sena għall-infermiera u professjonisti oħra fil-qasam tas-saħħa impjegati fis-settur pubbliku fuq kuntratt indefinit.

  1. Roħs sostanzjali fil-miżata

Ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea li jkunu se jiġu impjegati mill-Gvern bħala infermiera jew fi professjoni medika oħra se jkollhom ukoll il-ħlasijiet fuq l-applikazzjonijiet normalment imħallsa mnaqqsa sostanzjalment. Dawn il-ħaddiema se jkunu qed iħallsu €250 sabiex jinħarġilhom permess ta’ xogħol fl-ewwel sena tagħhom, liema permess se jkun validu għal tliet snin,  u ma’ dan se jkunu qed iħallsu €82.50 sabiex tinħarġilhom il-kard. Dan minflok ma jħallsu €27.50 kull sena għall-ħruġ tal-kard. Din l-ispiża totali se tkun ta’ €332.50, u se titħallas darba biss – dan minflok ma jsir ħlas totali ta’ €832.50 fuq perjodu ta’ tliet snin.

  1. Applikazzjoni tiġi proċessata fi żmien ħmistax-il ġurnata xogħol

Fiż-żmien meta l-pajjiż għaddej minn perjodu fejn dawn il-ħaddiema huma mill-aktar essenzjali, l-Aġenzija Identity Malta se tkun qed tipproċessa applikazzjonijiet mimlija b’mod korrett bl-informazzjoni u d-dokumenti kollha meħtiega fi żmien ħmistax-il ġurnata ta’ xogħol mid-data li tiġi sottomessa l-applikazzjoni. Ladarba l-applikazzjoni tkun ġiet approvata u l-kard tkun lesta biex tinġabar, l-applikant se jirċievi ittra bil-posta sabiex jiġbor il-kard personalment.

  1. Il-kundizzjonijiet estiżi wkoll għall-membri tal-familja

Membri tal-familja, li huma mart, żewġ, iben jew bint l-applikant impjegat fis-settur pubbliku se jinħarġilhom ukoll permess ta’ residenza għal tliet snin, kemm-il darba l-applikazzjoni tiddaħħal flimkien ma’ dik tal-applikant prinċipali. Identity Malta se tipproċessa din l-applikazzjoni fi żmien ħmistax-il ġurnata ta’ xogħol mid-data li tiġi sottomessa l-applikazzjoni, kemm-il darba l-applikazzjoni tkun imtliet b’mod korrett u d-dokumenti kollha neċessarji jkunu ġew sottomessi.

Membri tal-familja ta’ sponsors li għandhom Long-Term Residence Permit se jinħarġilhom permess ta’ residenza validu għal ħames snin, hekk kif dawn jakkwistaw l-istatus ta’ residenza abbażi ta’ L.S. 217.06. F’każ li dan ma jseħħx, ikunu jridu jġeddu l-permess tagħhom kull tliet snin.

Finalment, kemm-il darba l-impjegat jintemmlu l-impjieg tiegħu minn mas-settur pubbliku, dawn il-miżuri msemmija hawn fuq ma jibqgħux japplikaw.

L-Aġenzija Identity Malta hija kommessa sabiex tiffaċilita kemm tista’ u ttaffi l-piż amministrattiv minn fuq dawn il-ħaddiema li qed jagħtu servizz tant importanti fis-settur tas-saħħa.

Kien hemm qbil ukoll li kull eżamijiet mediċi meħtieġa għall-impjegati fis-settur pubbliku li jkunu ġejjin minn pajjizi barra mill-Unjoni Ewropea se jibqgħu jingħataw bla ħlas mis-servizzi tas-saħħa lokali filwaqt li l-Aġenzija Identity Malta estendiet ukoll dan il-qbil imsemmi hawn fuq għal dawk l-applikanti kollha minn barra l-Unjoni Ewropea li jiġu impjegati fuq kuntratt indefinit mas-settur pubbliku.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com