Sospiżi BOV Premier – Daqqa ta’ Ħarta Għal Żejtun C… Vieira Barra Tliet Logħbiet
Sospiżi MFA
It-tkeċċija l-Ħadd li għadda ta’ wieħed mill-Aqwa Skorers b’sitt goals u attakkant prolifiku ta’ Żejtun Corinthians fil-Kampjonat, Vitor Vieira, swietu sospensjoni ta’ tliet logħbiet.
B’hekk daqqa ta’ ħarta kbira għal Corinthians fl-aspirazzjoni tagħhom li jevitaw ir-relegazzjoni, b’wieħed mill-istilel tat-tim fl-attakk nieqes mil-logħbiet importanti li ġejjin kontra Balzan għada l-Erbgħa, Ħamrun Spartans fi tmiem il-ġimgħa li ġejja u kontra Sliema Wanderers fil-partita ta’ wara.
Il-Brażiljan li kien għadu kemm irritorna fil-formazzjoni Żejtunija wara li qatta’ xi żmien fi kwarantina minħabba l-COVID19, intwera karta ħamra mill-ewwel il-Ħadd li għadda fid-draw ta’ 1-1 kontra Sirens mir-referee tal-partita Glen Tonna, wara li l-player kien involut f’inċident ta’ reazzjoni mingħajr ballun fil-kaxxa avversarja ftit wara li skorriet nofs l-ewwel taqsima (25min).
Sadanittant, apparti Vieira, seba’ players oħra mill-BOV Premier weħlu partita kull wieħed sospensjoni.
Dawn huma Paul Fenech ta’ Balzan, id-duo ta’ Gżira United, Jefferson De Assis u Nevin Portelli, Kevin Tulimieri ta’ Mosta, Ryan Scicluna, player ta’ Sirens, John Mintoff (Sliema Wanderers) u Eslit Sala, player ta’ Valletta li tkeċċa fl-aħħar ħinijiet fit-telfa 4-2 li l-Belt sofrew il-Ħadd kontra Gudja United fil-Hibernians Stadium.