Kif Nistgħu Ngħinu Ruħna Bħalissa? Ikellimna L-Kirurgu Jo Etienne Abela

 Kif Nistgħu Ngħinu Ruħna Bħalissa? Ikellimna L-Kirurgu Jo Etienne Abela
Din il-ġimgħa tkellimna mal-kirurgu Għawdxi Jo Etienne Abela u staqsejnieħ jagħtina ħsibijietu fuq il-pandemija. Filwaqt li jinsab anzjuz dwar in-numri allarmanti li rreġistrajna dan l-aħħar, jara pożittiv il-mod kif il-Ministeru tas-Saħħa qed jaċċellera l-programm ta’ tilqim meta diġà qbiżna l-mitt elf ruħ ta’ persuni li ħadu l-vaċċin.
Xi jfissru għalik dawn in-numri “ allarmanti?
Bejn wieħed u ieħor minn kull mitt persuna li jirriżultaw pożittivi, għaxra jkollhom bżonn jiddaħlu l-isptar, bejn ġimgħa u ħmistax wara li jitfaċċaw s-sintomi. Dawn l-aħħar xahrejn, medja ta’ żewġ pazzjenti kuljum iddaħħlu fl-ITU. Jinkwetani l-fatt li dan in-numru jista jitla dalwaqt sabiex jirrifletti l-ispajk ta’ dawn l-aħħar granet. Importanti nifhmu illi l-eta’ medja ta dawn il-pazjenti gravi issa niżlet taħt is-60 sena. Għalkemm mad-daqqa t’għajn, n-numri jidhru kemmxejn żgħar, kif ngħidu bl-Ingliż…the numbers add up, għaliex tajjeb nifhmu li dawn il-pazjenti li jidħlu fl-ITU qajla jinqalgħu malajr minn fuq il-magni ta’ appoġġ. Dan il-fatt joħnoq din ir-riżorsa vitali ta’ pajjiżna u jċaħħadna mill-flessibilita li nikkuruaw kundizzjonijiet komuni oħra bħal per eżempju, emergenzi gravi u l-kanċer serju.
Kif għandna nieħdu ħsieb ta’ saħħitna?
Il-lockdown ma nemminx biħ iżda bla dubbju, għandu jkun hemm restrizzjonijiet riġidi u mhux popolari li jitħarsu bla heda. Għandna bżonn ta’ eżerċizzju regolari, ikel bilanċjat u mhux eċċessiv, iġene skrupuluża u fl-opinjoni tiegħi għandna nevitaw kull tip ta’ attivita li tinvolvi għaqda ta’ persuni fejn il-kuntatt bejnithom huwa qrib u inevitabli. Naħseb li hemm bżonn ftit ġimgħat ta’ dixxiplina drakonika sakemm nagħtu ċans lit-tilqim jagħmel d-differenza.
Mentalment, kif nistgħu ngħinu lilna nfusna?
Sakemm niksbu immunita ġenerali (herd immunity) din il-problema ħa tibqa tifliġna u tgħajjijna mentalment. Diffiċli nidher pozittiv quddiem min hu inkwetat dwar l-impjiegi u dħul finanzjarju. Il-gvern qed jagħmel l-almu tiegħu kollu f’dan ir-rigward, grazzi mhux ftit għal-qagħda finanzjarja soda li bdejna biha. Jien naħseb li għandna nibqgħu viċin xulxin permezz tat-telefonija u mezzi virtwali u nappella biex inżommu kuntatt kontinwu mal-qraba, ħbieb u anzjani tagħna. F’ dawn il-ġimgħat iebsa l-ekonomija, speċjalment dik kulinarja, ngħinuha mid-djar tagħna permezz ta’ deliveries u take-aways.
Hemm xi aħbar tajba għal pajjiżna?
Mhux proprja. Il-COVID ma jħarisx lejn pjanijiet jew guidelines u s-saħħa tiegħu hija l-inattenzjoni u l-inċertezza tagħna. L-unika mod kif nistgħu negħlbuħ hu li nżommu sodi u iffokati u fl-istess ħin flessibli ħa nibdlu strateġiji kif hemm bżonn u minnufiħ. Il-prijoritajiet nazzjonali bħalissa għandhom ikunu d-dixxiplina u s-sens ta’ dover. Dawn il-kwalitajiet kienu sa mill-qedem u għandhom jibqghu l-kwalitajiet tagħna l-Maltin u l-Għawdxin. Imbaghad hemm bżonn nagħtu cans lit-tilqim sfrenat jagħmel d-differenza. Għalhekk naħseb li kull min hu mħarreg biex jagħti tilqim (professjonisti u studenti) għandu jiġi użat minnufiħ għal dan l-iskop fundamentali. Fil-fehma tiegħi l-formola għandha tkun = żmien qasir ta’ tbatija + spluzjoni fit-tilqim. Kollegi sħabi minn kull fergħa tal-mediċina u l-kirurġija jaqblu miegħi dwar dan.
U l-Għawdxin li jaqsmu lejn Malta għax-xogħol?
Jiena bħalhom naqsam minn Malta għal Għawdex regolarment. Fuq mezzi ta’ trasport għandna nieħdu ħsieb lil min qed joffrilna dawn is-servizzi. Nosservaw l-ilbies ta’ maskri kull moment, niskruplaw bl-igjene ta’ l-idejn u nżommu bogħod minn xulxin. It-tbatija u s-sagrifiċċji ta’ bħalissa għandna insarfuhom fi tgawdija ‘l quddiem meta nserrħu moħħna u niksbu kontroll aħħari.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com