Persuna Ħatja B’Moħqrija Fuq L-Annimali Mhux Se Tkun Tista’ Tgħix F’Dar Ma’ Annimali Domestiċi
Il-Ministri Edward Zammit Lewis u Anton Refalo, flimkien mal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina ħabbru emenda fl-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali.
Il-bżonn ta’ din l-emenda inħass wara li fi Frar tal-2021 ngħatat sentenza fil-Qorti, fejn l-akkużat instab ħati talli serjament ħaqar kelb. Jidher li din is-sentenza tefgħet dawl fuq il-fatt li m’hemm xejn fil-liġi li tista’ twaqqaf persuna li nstabet ħatja ta’ moħrija tal-annimali, li temporanjament jew b’mod permanenti, iżżomm annimal magħha fid-dar.
L-emenda proposta mhux talli tipprojbixxi persuna li tkun instabet ħatja li wettqet moħqrija fuq l-annimali milli jkollha annimal, iżda wkoll li dik il-persuna ma tkunx tista’ tgħix f’residenza li fiha jkun hemm preżenti annimali domestiċi, anki jekk dawn ma jkunux l-istess annimali li ġew maħqura.