“Min Qed Jgħajjarni Fl-Interess Partiġġjan, Għandu Jibda Jara’ Wkoll L-Interess Nazzjonali” – Lynn Faure Chircop
Fl-aħħar sigħat, Lynn Faure Chircop ħabbret pubblikament li se tkun qed tirtira l-kandidatura tagħha għall-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Laburista. Hija tat x’tifhem li minħabba raġunijiet ta’ prinċipji ħasset li kellha tibdel id-direzzjoni tagħha.
Intant, wara diversi kummenti mill-pubbliku, b’uħud jaqblu mad-deċiżjoni ta’ Faure Chirchop u oħrajn jikkritikawha, illum hija għamlet dikjarazzjoni oħra permezz tal-midja soċjali.
Lynn Faure Chircop saħqet li hija ħasset il-bżonn li tirtira l-kandidatura għal “raġunijiet professjonali”, filwaqt li qalet li tħossha obbligata li taħdem b’lealtà lejn “il-prinċipji soċjalisti”.
Hija qalet li tkellmet dwar dak li kien qed iħassibha mall-President tal-PL Ramona Attard, u tħoss li l-konferenza tal-aħbarijiet tal-lum turi li l-Partit qed jibda jieħdu l-azzjonijiet neċessarji.
“Jien persuna li nħobb nieqaf u nirrifletti meta nkun maqbuda bejn sema u ilma, biex nieħu deċiżjonijiet fl-aħjar interess tal-professjoni li għandi u dawk li nirrapreżenta”, qalet Faure Chirchop fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook.
Hija żiedet tgħid li appelli li għamlet fil-passat, li fl-oppinjoni tagħha kienu appelli umani, ġew interpretati bħala appelli partiġġjani u b’hekk ħasset il-ħtieġa li twarrab mix-xena politika. “Dak l-appell mhux partiġġjan iżda uman. Meta jiġi nterpretat li jmur kontra prinċipji ta’ Partit, allura jien matura biżżejjed li nagħmel spazju għal ħaddieħor. Iżda ma ndurx lura mill-prinċipji tiegħi”, qalet Faure Chirchop.