Terremot fil-Futbol.. Il-Klabbs Il-Kbar Iġibu Qasma Bl-Introduzzjoni Tas-Super League  

 Terremot fil-Futbol.. Il-Klabbs Il-Kbar Iġibu Qasma Bl-Introduzzjoni Tas-Super League  

Il-konferma waslet, l-introduzzjoni ta’ Super League Ewropew – proposta mressqa ‘l quddiem minn tnax-il klabb li lesti joħorġu mill-UEFA u jmexxu ‘l quddiem din l-idea li ilha tissemma ħafna u li issa riesqa lejn l-implimentazzjoni tagħha.

Tnax-il klabb Ewropew meqjusa prestiġġjużi u fost l-aktar b’saħħithom fid-dinja laħqu ftehim bejniethom biex iwelldu dil-kompetizzjoni ġdida.

Il-klabbs f’dan is-Super League li huma favur l-idea u flimkien resqu ‘l quddiem il-proposta huma, Ac Milan, Arsenal FC, Atletico de Madrid, Chelsea FC, FC Barcellona, FC Internazionale Milano, Juventus FC, Liverpool FC, Manchester City, Manchester United, Real Madrid CF u Tottenham Hotspur, kollha meqjusa klabbs fundaturi.

Magħhom naturallment ikun hemm oħrajn, eżempju Bayern Munich, Borussia Dortmund u Leipzig mill-Ġermanja ukoll jidħlu f’din il-kategorija ta’ klabbs b’saħħithom teknikament u finanzjarjament, iżda għalissa qagħdu lura u mhumiex fost il-fundaturi tas-Super League.

Minkejja x-xokk tal-bidu u li nħass b’mod lampanti fis-siegħat li gaħħdew, din l-introduzzjoni qed titqies bħala possibilta tajba ħafna fit-tiġdid tal-logħba tal-ballun, dan il-fenomenu li issa aktar minn qatt qabel ġera  ‘l quddiem fl-ideal tiegħu il-fuq minn dixxiplina sportiva  u segwit b’interess qawwi minn miljuni kbar madwar id-dinja.

Il-Futbol ilna nafu li huwa industrija kbira li b’dan is-Super League se jkompli jikber u jiġġenera aktar flus.

Flus li wieħed jawgura li jibqgħu igawdu minnhom anke l-klabbs iż-żgħar bħal dawk Maltin, is-solidarity funds tal-UEFA li jolqtu lilna direttament żgur li se jieħdu daqqa, madankollu wieħed irid jara kif in-negozjati se jiżviluppaw u xi rwol se jkollha l-UEFA li bħala idea oriġinali hija għal kollox kontriha.

Wieħed jittama u hekk għandu jiġri li l-flus kbar li se jkunu ġġenerati b’dan is-Super League igawdu minnhom ukoll il-klabbs iż-żgħar inklużi klabbs Maltin minkejja li naturallment qatt ma’ jistgħu ikunu parti minn din il-kompetizzjoni ġdida.

Ma’ jidhirx li din l-idea se tolqot il-parteċipazzjoni ta’ dawn il-klabbs il-kbar fil-Kampjonati domestiċi tagħhom.

L-ewwel reazzjoni għal din l-aħbar kienet ta’ kundanna, imma għalhekk fil-ħajja ma’ tridx tgħaġġel, ftit taż-żmien ieħor l-istess Prim Ministru Ngliż Boris Johnson, il-UEFA u l-Premier League probabbli jiġu favur din l-idea, semmejna lilhom għax kienu minn tal-bidu li l-Ħadd stess ikkundannaw din l-idea fl-ewwel reazzjoni tagħhom.

U x’tippretendi mill-Premier League u l-UEFA ?!

Jekk għandek monoplju u introjtu qawwi ta’ flus b’xi mod tista tuħu gost jekk jidħlulek fl-għalqa u jirfsulek il-kallijiet.

Madankollu d-diskussjonijiet wieħed jittama li jwasslu għal kunsens minn kulħadd, għax fl-aħħar mill-aħħar u lil hin mill-introjti u flus iġġenerati, l-idea se jgawdi l-aktra minnha l-partitarju, d-delettant tal-Futbol, stakeholder importanti fil-logħba li n-nuqqas tiegħu tant inħass f’dawn ix-xhur tal-pandemija.

Rajnha b’għajnejna u messejna b’idejna kif il-Futbol mingħajr is-supporter mhux m’huwa xejn biex inkunu rejali u onesti, imma mingħajr is-support jitlef ħafna mill-valur, il-preġju u l-pjaċir tiegħu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com