“Dan Jagħmel It-Tifel Vittma Tal-Aġir Kriminali Tal-Adult” – Reazzjoni Għall-Filmat Ta’ Tifel Juża Arma Tan-Nar
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal fi stqarrija qal li jixtieq jesprimi t-thassib tiegħu għall-ġrajja riċenti żvelata mill-filmat meħud u mtella’ onlajn mill-BirdLife Malta li juri minuri qed juża arma tan-nar f’ kuntest ta’ kaċċa.
Dan huwa ksur ċar tal-Att dwar l-Armi li jippermetti li minuri ta’ ċerta età jużaw armi għal sparar bil-mira iżda mhux għal kaċċa.
Intqal li irrispettivament minn jekk it-tifel muri fil-filmat huwiex kbir biżżejjed biex jitqies kriminalment responsabbli ta’ għemilu, dan l-għemil sar bil-barka ta’ u mingħajr superviżjoni adegwata min-naħa taladult li qed jakkumpanjah. “Dan jagħmel it-tifel vittma tal-aġir kriminali tal-adult. Peress li liġijiet maħsuba biex jipproteġu t-tfal huma effettivi biss jekk dawk li jiksruhom jingħataw l-kastig dovut kemm jista’ jkun malajr, l-Uffiċċju jsejjaħ biex dan u reati simili jitressqu l-qorti mingħajr dewmien.”
Qalu li huwa ta’ tħassib kbir il-fatt li l-minuri jidher li kien viċin ħafna ta’ arma tan-nar meta din ħadet bi żball u setgħet korrietu serjament. Tennew li dan ma ġarax jitfa’ dawl fuq lakuna li hemm fil-liġijiet tagħna li ma jipprojbixxux li tfal jakkumpanjaw adulti f’ mawriet għall-kaċċa. Għaldqastant, l-Uffiċċju jsejjaħ l-Parlament Malti biex jgħaddi l-emendi neċessarji sabiex jingħalaq dan il-vojt perikoluż fil-leġislazzjoni tagħna.
L-Uffiċċju m’għandu ebda pożizzjoni jew aġenda dwar il-kaċċa billi din hija barra mill-kompetenza tiegħu. It-tħassib tal-Uffiċċju huwa biss li jiżgura li t-tfal ikunu protettu minn kull ħsara fiżika kkaġunata mill-użu ta’ armi. Hekk temmet l-istqarrija.
Ritratt: Gozo News