Miljun Borża Ta’ Plastik Inqas Miċ-Ċirkulazzjoni!
Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, Aaron Farrugia żar il-ħanut il-ġdid ta’ Maypole Group, f’Ta’ Paris Birkirkara, kumpanija li qed tiċċelebra l-kisba ta’ mira sabiex jitneħħew miljun basket tal-plastik mis-suq.
Il-Ministru Farrugia tkellem kif il-konsumaturi u n-negozji huma parti kruċjali fit-tranżizzjoni ekoloġika li l-Gvern qed jixpruna f’pajjiżna. Kellu ukoll kliem ta’ tifħir għall-prattiċi u inizjattivi ambjentali li qed isiru mis-settur privat, fosthom sabiex jonqos l-iskart tal-plastik iġġenerat.
Il-Ministru fakkar li f’Lulju tas-sena l-oħra kien mistieden mill-kumpanija Maypole sabiex iħabbar inizjattiva bl-iskop li f’sena jitnaqqsu miljun borża ta’ plastik miċ-ċirkulazzjoni. Id-diretturi ta’ Maypole kienu ħabbru kif l-ħobża tal-Malti kienet ser tibda tingħata lill-klijent f’borża tal-karti flok f’waħda tal-plastik. Il-Ministru Farrugia tkellem kif din il-mira kienet ta’ suċċess.
Waqt iż-żjara mill-Ministru Farrugia, ġie ukoll inawgurat ħajt aħdar mal-faċċata tal-ħanut il-ġdid, bħala parti mill-inizzjattivi favur l-ambjent li qiegħda tieħu l-kumpanija Maypole.
Il-Ministru sostna li “[s]e nkomplu bil-ħidma tagħna biex innaqqsu t-tniġġiż, inniedu l-istrateġija tagħna għat-tibdil fil-klima, intejbu l-kwalità tal-ħajja, l-ekosistema, il-bijodiversità, b’iktar miżuri, azzjonijiet, u riżultati tanġibbli. Is-sena 2021 se tkun waħda ta’ tranżizzjoni għal pajjiżna fejn, fl-2022, il-projbizzjoni fuq plastik li jintuża darba jitwaqqaf milli jinbiegħ fis-swieq tagħna.”
Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, stqarr li huwa sodisfatt li “x-xogħol, id-dedikazzjoni u l-impenn tal-ministeru jimxu id f’id ma’ proġetti u ma’ inizjattivi bħal dawn biex bħala pajjiż nimxu ’l quddiem b’mod sostenibbli u nagħmlu b’suċċess it-tranżizzjoni ekoloġika”.
F’vidjow li ħareġ mill-kumpanija Maypole fuq il-mezzi soċjali, jidher kif il-pass li jmiss li tagħmel din il-kumpanija huwa dak t’investiment f’basktijiet ta’ drapp magħmulha apposta għall-ħobża tal-Malti.