Il-Ħidma Tiegħu Fid-Dar Tal-Providenza Tibqa’ Ħajja
Il-ħidma tal-fundatur tad-Dar tal-Providenza, Mons Mikiel Azzopardi tibqa’ ħajja sal-lum; 34 sena wara mewtu.
Dun Mikiel Azzopardi li twieled il-Belt Valletta fl-10 ta’ Frar tal-1910, u miet fit-13 ta’ Mejju tal-1987, waqqaf din id-Dar għall-persuni b’diżabilità, liema dar li kien iħobb isejjħilha bħala “oasi ta’ karità nisranija.”
Id-Dar tal-Providenza twaqqfet fl-1965 bl-għan li tipprovdi servizzi residenzjali lill-persuni b’ b’diżabilità, u tagħti saħħa lill-persuni b’diżabilità jemmnu fihom infushom, f’ambjent ta’ familja u f’ambjent li jsaħħaħ l-abilitajiet tagħhom.
Il-fundatur, Dun Mikiel Azzopardi kull fejn ħadem kien ixerred l-imħabba. Dan għaliex kien iħares lejn id-dinjità ta’ kull persuna u jemmen fl-abilitajiet ta’ kull individwu.
Tul is-snin, ħidmet Dun Mikiel Azzopardi ssarfet f’sapport lejn bosta persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom.
Is-servizz ta’ din id-Dar baqa’ jissaħħaħ grazzi għat-tmexxija ta’ din id-Dar; fejn illum id-Direttur tagħha huwa Father Martin Micallef, li jwettaq xogħol imprezzabbli, għall-ħaddiema dedikati li tul is-snin ħadmu f’din id-dar, kif ukoll għal ġenerożità tal-Maltin.
Din id-Dar hija tant għal qalb il-Maltin u tul is-sena joffru għajnuna finanzjarja kif ukoll ħidma volontarja.
Ritratt: Dar tal-Providenza