Żewġ Ħatriet Għal Cyrus Engerer Fil-Parlament Ewropew

 Żewġ Ħatriet Għal Cyrus Engerer Fil-Parlament Ewropew

Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista Cyrus Engerer għadu kemm ingħata żewġ ħatriet importanti ħafna għal Malta fil-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew.

Engerer ġie maħtur in-negozjatur tal-Grupp tas-Soċjalisti dwar l-immigrazzjoni legali lejn l-Unjoni Ewropea.  Hu spjega kif “l-Unjoni Ewropea għandha bżonn tindirizza b’mod konkret l-isfida ta’ nuqqas ta’ ħaddiema f’numru ta’ setturi u dwar kif se tiġbed lejha nies ta’ talent li qed jintilfu milli jersqu lejn l-Ewropa biex imorru f’ekonomiji oħra madwar id-dinja.”

Engerer qal li fl-istess waqt irridu naraw li nrażżnu l-immigrazzjoni rregolari ta’ dawk li ma għandhomx dritt għall-ażil.  Dan għaliex il-pajjiżi tal-periferija bħal Malta ma jifilħux għan-numru ta’ immigranti li jkunu qegħdin jaslu fl-ixtut tagħhom; kif ukoll għas-sigurta’ ta’ dawk li jkunu qegħdin jagħmlu dan il-vjaġġ perikoluż fuq dgħajjes mhux attrezzati biex jaqsmu dawn l-ibħra.

Il-MPE Laburista irrimarka li madwar l-Unjoni Ewropea kollha jeżistu numru ta’ labour gaps  li jridu jiġu indirizzati sabiex l-ekonomija tkompli tikber.  Bħala eżempju semma’ n-nuqqas ta’ infirmiera li kellha Malta u kif bħala pajjiż irnexxielna, b’ħidma flimkien ma’ numru ta’ infirmiera minn barra l-Unjoni Ewropea, nkunu l-leaders Ewropej fil-ġlieda kontra l-panemdija.

Tkellem ukoll fuq il-fatt li l-popolazzjoni Ewropea hi l-iktar popolazzjoni li se tiċkien b’mod naturali fis-snin li ġejjin, hekk kif l-Ewropej huma l-inqas nies li qed ikollhom tfal mill-popli kollha madwar id-dinja. Saħaq li popolazzjoni iktar anzjana għandha bżonn ħaddiema biex imantnu s-servizzi essenzjali, kif ukoll biex il-qafas soċjali jkompli għaddej.

Engerer ingħata din il-kariga wara li l-ġimgħa l-oħra fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew tkellem fuq l-isfidi minn lati differenti li qed jaffaċċjaw il-pajjiżi Ewropej dwar l-immigrazzjoni.  Hu saħaq li hu importanti li b’mod konkret min iħaddem għandu jkollu aċċess għal database komuni Ewropea li jkollha fiha lista ta’ nies minn barra l-Ewropa li jixtiequ jaħdmu fl-Unjoni Ewropea, bil-kwalifiċi tagħhom elenkati u vverifikati.  Dan iwassal biex titnaqqas il-wasla b’mod irregolari ta’ immigranti ekonomiċi.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com