Alfred Sant Jgħid Li R-Relazzjonijiet Mat-Turkija Saru Problematiċi Ħafna
L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant astjena fuq vot tal-Parlament Ewropew dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mat-Turkija u esprima dispjaċir li r-relazzjonijiet tal-UE mat-Turkija saru problematiċi ħafna matul dawn l-aħħar ftit snin.
Il-vot ittieħed fuq ir-rapport annwali tal-Parlament dwar it-Turkija li jittratta numru ta’ oqsma ta’ politika inkluż il-proċess ta’ adeżjoni tat-Turkija fl-Unjoni Ewropea, is-saltna tad-dritt u d-drittijiet fundamentali kif ukoll il-migrazzjoni.
Ir-rapport, adottat b’480 vot favur, 64 kontra u 150 astensjoni, jinsisti li jekk it-Turkija ma taqlibx din ix-xejra negattiva attwali, il-Kummissjoni Ewropea għandha tirrakkomanda li n-negozjati għall-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea jiġu sospiżi formalment.
“Jiena wieħed minn dawk li jemmnu li raġuni ewlenija għall-problemi mhix limitata biss għall-amministrazzjoni Torka, iżda testendi għall-UE nnifisha, talli l-ewwel taqbel mal-għażla ta’ sħubija tat-Turkija, imbagħad titbandal fuqha, prattikament bi ħsieb ħażin ”, qal Alfred Sant lill-Parlament Ewropew.
Alfred Sant innota li r-rapport annwali ġustament jittratta kwistjonijiet relatati mas-sħubija tat-Turkija fl-UE li fuqhom, l-UE u t-Turkija qed jonqsu milli jaqblu.
Huwa żied jgħid li r-rapport huwa wkoll korrett meta kkundanna t-tattiċi inaċċettabbli kontra l-Greċja u Ċipru.
“Min-naħa l-oħra, ir-rapport jonqos milli joffri b’mod pożittiv triq tanġibbli ‘l quddiem għar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija. Minflok, filwaqt li r-riżoluzzjoni titlob lit-Turkija ssegwi l-politika barranija u ta’ sigurtà tal-UE, u filwaqt li trid li t-Turkija tibqa’ tassorbi l-biċċa l-kbira tal-influssi tal-immigrazzjoni mill-Lvant Nofsani, trid tippenalizza lill-pajjiż talli ma jsegwix linji ewlenin tal-UE f’oqsma oħra”.
Saħaq li astjena mill-vot finali għax dan il-metodu qed jonqos milli jikseb dak li tixtieq l-UE kif ukoll li l-konklużjonijiet juru biċ-ċar, ġudizzju fuq naħa waħda.