Ser Tkun Mgħejjun Biex Tniżżel Iċ-Ċertifikat Tal-Vaċċin
Mit-Tlieta t-8 ta’ Ġunju 2021, is-Servizz Pubbliku se jkun qed iżid servizz ieħor, fejn se jassisti fit-tniżżil jew l-istampar taċ-ċertifikat tal-vaċċin kontra l-Covid-19. Dan se jkun qed isir mill-hubs kollha ta’ servizz.gov, li jammontaw għal 23 fergħa mferrxin mal-pajjiż. Dan se jkun qed isir mingħajr ħlas.
Is-Servizz Pubbliku se jkun qed jintroduċi s-sistema ta’ callback. Dan ifisser li jekk il-klijent ma jaqbadx mill-ewwel se jkollu l-għażla li jċemplulu lura. Dan jikkumplimenta l-viżjoni fejn permezz ta’ servizz.gov, il-klijent jirċievi servizz 24 siegħa kuljum.
Dan tħabbar mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, fl-uffiċini ta’ Centrecom, li huwa s-sieħeb strateġiku ta’ servizz.gov. F’din iż-żjara, li saret bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2021, is-Sur Cutajar kien akkumpanjat minn Massimo Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ servizz.gov, u ddawwar mal-post minn Robert Spiteri, il-Kap Eżekuttiv ta’ Centrecom.