Toħloq Metodu Innovattiv Li Tgħin Lit-Tobba Fil-Kura Ta’ Mard Anke Bħall-Covid-19

 Toħloq Metodu Innovattiv Li Tgħin Lit-Tobba Fil-Kura Ta’ Mard Anke Bħall-Covid-19

Kumpanija Maltija li hija iffukata fuq ir-riċerka fil-qasam tal-mikrobioloġija, ħolqot metodu innovattiv fejn bis-saħħa ta’ analiżi tal-mikrobijomi li jkunu fil-ġisem tal-persuna, ikunu jistgħu jgħinu aħjar lit-tobba fil-kura terapewtika tal-pazjenti tagħhom f’firxa sħiħa ta’ mard, inkluż dak respiratorju bħalma hu l-COVID-19.

Fi żjara lill-kumpanija BioArte fil-Life Sciences Park, il-Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Ko-ordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara l-COVID-19 Dr Owen Bonnici qal: “Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalina li nuru l-appoġġ tagħna lejn din il-kumpanija ibbażata f’Malta, li qed tagħmel isem fir-riċerka fil-qasam tas-saħħa u tax-xjenzi tal-ħajja anke` barra minn Malta, fejn qed taħdem ma’ entitajiet barranin importanti biex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi permezz tar-riċerka, li tista’ ttejjeb il-livell ta’ l-għixien ta’ kulħadd.”

Il-Prof. Manuele Biazzo spjega li din il-kumpanija qed twettaq riċerka fuq il-ġenetika – li tirreferi għall-fergħa tal-bioloġija li tistudja d-DNA tal-organiżmi, u tinvestiga kif dan jimmanifesta ruħu u jintiret ġenetikament – u kif ukoll fuq il-mikrobioti. Spjega li l-mikrobioti huma tipi differenti ta’ mikro-organiżmi bħal batterji, fungi u viruses li jinsabu fi ħlejjaq ħajjin, minn pjanti sa annimali. Dawn il-mikro-organiżmi jinsabu wkoll fuq kull parti ta’ ġisimna li tista’ tkun esposta għall-arja bħall- ġilda, l-għajnejn, l-imnieħer u s-sistema diġestiva.

Tenna li biex aħna nħossuna b’saħħitna, huwa importanti li l-mikrobijotiċi jkunu bbilanċjati f’ġisimna. Meta ma jkunx hekk, jistgħu jseħħu numru ta’ kondizzjonijiet patologiċi. Il-fatturi li jistgħu jaffettwaw il-bilanċ tal-mikrobijoti tagħna jistgħu jkunu ġenetici, pero’ jistgħu jkunu wkoll ambjentali bħad-dieta tagħna jew l-użu ta’ l-antibijotiċi, spjega l-Professur Biazzo.

Huwa kompla jispjega li bis-saħħa tal-metodu innovattiv li mexxew ‘il quddiem, huma jinsabu f’pożizzjoni li jorbtu l-analiżi tal-mikrobijotiċi mas-saħħa tal-persuna. “Aħna għalhekk ngħinu lit-tobba biex jipprovdu soluzzjonijiet biex is-saħħa ta’ dak li jkun tibqa’ tajba jew ngħinu meta jkun hemm problemi ta’ saħħa f’firxa sħiħa ta’ mard, ” spjega l–Professur Biazzo.

Il-kumpanija BioArte hija liċenzjata mill-Gvern Malti bħala laboratorju għad-djanjosi medika għar-riċerka u l-iżvilupp, u tipparteċipa f’numru ta’ programmi internazzjonali tal-ittestjar molekulari, inkluż għall-COVID-19. Il-kumpanija tikkopera wkoll ma’ għadd ta’ istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com