Il-Pjan Għas-Settur Turistiku F’Għawdex

 Il-Pjan Għas-Settur Turistiku F’Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda l-kampanja promozzjonali internazzjonali li taqa’ taħt l-umbrella tas-sit VisitGozo. Dan bħala parti mill-ħidma tal-Gvern Malti sabiex jippromwovi lil Għawdex fis-suq turistiku għax-xhur li ġejjin.

Il-kampanja tiffoka fost l-oħrajn fuq it-turisti minn pajjiżi Ewropej, bħall-Ġermanja, is-suq Skandinavu u pajjiżi oħrajn fiż-żona ċentrali u tal-Punent tal-Ewropa.

Il-Ministru għal Għawdex qal li, “Il-kampanja promozzjonali hija waħda wiesgħa fejn qed noperaw fuq il-pjattaformi kollha possibbli, kemm diġitali kif ukoll tradizzjonali. Fost l-oħrajn se nkunu qed naraw li fuq it-trams f’Berlin u anke fi Frankfurt ikun hemm reklam ta’ VisitGozo u kampanja fuq il-midja soċjali, televixin u anke postijiet frekwentati minn eluf ta’ nies”. 

Dan qiegħed isir fi sfond ta’ ħidma estensiva fuq is-sit uffiċjali ta’ VisitGozo, b’dehra moderna u li toffri aktar informazzjoni fuq diversi niċeċ turistiċi f’Għawdex.

Il-Ministru Clint Camilleri spjega li Għawdex għal sena oħra ngħata ranking għoli fil-Quality Coast Awards, tant li laħaq il-massimu tal-punti fil-kategorija Gold Destinations. Il-Ministru tenna li s-settur turistiku huwa wieħed mill-aktar pilastri importanti fl-ekonomija Għawdxija u biex dan jissaħħaħ saru bosta xogħlijiet infrastrutturali, investimenti u proġetti fosthom dak tal-Fast Ferry.

Il-Ministru Camilleri spjega kif “Il-Ministeru għal Għawdex, proprju fl-aktar żmien diffiċli, wettaq l-aktar kampanja promozzjonali intensiva fuq livell internazzjonali għall-gżira Għawdxija. Il-mira tagħna tibqa’ li nixprunaw is-settur turistiku li jibqa’ waħda mill-aktar industriji importanti f’pajjiżna.”

Id-Direttur tat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, Ronald Sultana tkellem fuq il-ħidma li qiegħda isir sabiex jikber l-għarfien ta’ Għawdex fis-suq internazzjonali u l-iskemi offruti lill-operaturi Għawdxin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com