€470 Miljun Sabiex Tiġi Estiża L-Infrastruttura Industrijali Ta’ Malta

 €470 Miljun Sabiex Tiġi Estiża L-Infrastruttura Industrijali Ta’ Malta

Jaslu fi tmiemhom is-sensiela ta’ diskussjonijiet konsultattivi marbuta mal-ħames pilastri tal-Viżjoni Ekonomika 2031 għal Malta, li raw fihom il-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ Ministeri, entitajiet pubbliċi, entitajiet privati, is-soċjeta’ ċivili, l-imsieħba soċjali u għaqdiet mhux Governattivi. Fl-aħħar laqgħa, li ddiskutiet t-tieni pilastru, dak tal-infrastruttura ta’ kwalita’ għolja u investiment sal-2031, il-Ministru Schembri ħabbar li Malta qed taspira li fl-għaxar snin illi ġejjin ikollha ambjent infrastrutturali u sostenibbli mill-aqwa għall-intraprendituri domestiċi u barranin, li ssir ċentru reġjonali fuq livell internazzjonali għan-negozji l-ġodda flimkien ma’ dak tas-settur tal-loġistika u tal-kommunikazzjoni.

F’din is-sessjoni, organizzata mill-MIMCOL, ipparteċipaw ukoll il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, l-Ministru għall-Anzjani u Anzjanita’ Attiva’ Michael Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija spjega li sal-2031, Malta hi impenjata li jkollha infrastruttura sostenibbli kemm fl-art, baħar u ajru ta’ livell li tippermetti l-aqwa opportunitajiet ta’ xogħol għal kwalita’ ta’ ħajja itjeb għal familji u n-negozji.  Hawn huwa għamel referenza għall-investiment ta’ ‘l fuq minn €470 miljun immexxi minn INDIS Malta sabiex tiġi estiża l-infrastruttura industrijali ta’ Malta fuq medda ta’ 8 snin. Fejn fosthom, €79.6 miljun qed jiġu allokati għall-iżvilupp ta’ faċilitajiet industrijali ġodda f’Ħal Far, inkluż il-ħolqien ta’ parks għall-SMEs u spazji miftuħa ta’ mistrieħ għal familji. Proġett ieħor huwa dak ta’ Taxiway Lima fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li se jkun qed jirċievi €5 miljun biex jakkomoda ajruplani ikbar.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela stqarr li din il-viżjoni ekonomika trid taspira li jkollha ambizzjonijiet kbar, li jintlaħqu mhux biss mill-Gvern waħdu iżda flimkien mal-istakeholders kollha. Min jinvesti, min iħaddem u l-ħaddiema huma lkoll parti mill-istess munita, u m’humiex opposti għal xulxin. Għaldaqstant, l-importanza ta’ djalogu socjali ħaj u effettiv hija krucjali jekk pajjiżna jrid jilħaq l-għanijiet ta’ din il-viżjoni ekonomika.  Il-Ministru Abela, responsabbli fost oħrajn mill-kundizzjonijiet tax-xogħol, żied li l-viżjoni ekonomika trid tkun ukoll waħda li ma tkejjilx il-ġid biss f’termini ta’ prodott domestiku gross iżda li żżomm fuq quddiem il-ħaddiem u dawk dipendenti fuqu. “Li jkollna ekonomija vibranti u ħajja tkun għalxejn jekk din ma tittrażmettix ruħha f’ekonomija li tagħti l-aqwa kundizzjonijiet tax-xogħol possibbli lill-ħaddiema. Irridu naraw li mhux biss ikollna l-ħaddiema f’impjieg iżda nassigurawlhom kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati. Din hija ħaġa li qiegħda ssir dejjem iżjed importanti,” semma Carmelo Abela.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanita’ Attiva Michael Farrugia qal li biex inkomplu nsostnu l-welfare state ta’ pajjizna, huwa importanti li nkomplu nħarsu l’quddiem lejn it-tisħiħ tal-ekonomija tal-pajjiz u nkomplu ninvestu fl-anzjani, kemm fis-settur residenzjali u kemm fil-komunita’ “Dan qed nagħmluh b’koperazzjoni mal-privat biex inkunu nistgħu noffru servizzi aħjar u ta’ standards ogħla lill-anzjani u nibqgħu nsostnu li pajjizna għandu jibqa’ jaħseb għal dawk il-persuni l-aktar fil-bzonn,” qal il-Ministru Farrugia.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq fuq il-ħtieġa li nkomplu ninvestu fl-infrastruttura ta’ pajjiżna. Matul is-snin saru ħafna investimenti f’dan il-qasam permezz ta’ fondi Ewropej u permezz tal-programm il-ġdid, se nkomplu ninvestu fondi Ewropej fl-infrastruttura. Dr Zrinzo Azzopardi qal li dawn l-investimenti se jkunu kumplimentati b’investimenti kbar fi proġetti ambjentali u proġetti għal qalba lejn ekonomija diġitali.

Dawk kollha interessati li jipparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni nazzjonali jistgħu jżuru https://economicvision.mimcol.com.mt/ biex jissottomettu l-kummenti tagħhom. Il-proċess ta’ konsultazzjoni se jibqa’ miftuħ sal-31 ta’ Lulju 2021.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com