Titnieda Skema Ta’ Borża Ta’ Studju Mill-Awtorità Reġjonali Għall-Iżvilupp Ta’ Għawdex

 Titnieda Skema Ta’ Borża Ta’ Studju Mill-Awtorità Reġjonali Għall-Iżvilupp Ta’ Għawdex

Dalgħodu saret it-tnedija tal-iskema ta’ borża ta’ studju għal dawk l-istudenti li jixtiequ jagħmlu kors tal-Baċellerat fil-Kummerċ f’Għawdex; idea xprunata mill-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex, b’kollaborazjoni mal-Università ta’ Malta u huwa mmirat għal studenti li jridu jkomplu jtejbu t-talenti akkademiċi tagħhom.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet fil-Kampus tal-Università f’Għawdex, il-Ministru Camilleri qal kif f’dinja li kulma jmur qed tinbidel u ssir aktar globalizzata, hu importanti li nkunu kompettitivi u noffru l-aħjar talent uman billi jkollna għad-dispożizzjoni tal-industrija persuni li huma akkademikament kwalifikati, kreattivi u miftuħin għall-bidla.

Preżenti il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Mario Borg spejga kif din l-inizjattiva ser tkun qed tkopri xejn inqas minn 90% tal-ispejjeż relatati mal-kors. Filwaqt li dan il-kors qed jiġi offrut fuq bażi part-time sabiex kull parteċipant isib bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol, il-familja, u l-istudji neċessarji biex itemm dan il-kors li jwassal għal Baċellerat fil-Kummerċ. Huwa żied jgħid li din hija waħda mill-ewwel inizjattivi li qed timbarka fuqhom l-Awtorità wara li aktar kmieni ppubblikat dokument ta’ konsultazzjoni biex tiġi mfassla l-istrateġija għal Għawdex għas-snin li ġejjin

Il-Ministru għal Għawdex stqarr li “nemmnu li dan il-kampus permezz ta’ dan il-kors se jkun qiegħed jilħaq aktar il-potenzjal tiegħu. Kors li bih se nkunu qegħdin niftħu orizzonti ġodda kemm għal dawk l-istudenti li ser ikomplu l-istudji tagħhom, kif ukoll għall-Università ta’ Malta biex aktar korsijiet kemm dawk ta’ Baċellerat kif ukoll ta’ livelli ogħla, jibdew jiġu offruti f’Għawdex stess.”

Il-Professur Frank Bezzina, Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy faħħar il-kollaborazjoni u awgura li din il-kollaborazzjoni tkompli tissaħħaħ fis-snin li ġejjin.

Din l-inizjattiva timxi paripassu wkoll mall-viżjoni li għandu l-Gvern għal pajjiżna, Malta’s Economic Vision 2021-2031: A Future-Proof Malta, kif ukoll mal-istrateġija li varat l-istess Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex li tiffoka speċifikament fuq Għawdex bil-għan li nħejju lil pajjiżna għaż-żmien li ġej.

L-applikazzjonijiet għal dan il-kors jintlaqgħu mill-Unviversità sat-Tlieta 24 ta’ Awwissu, 2021. Termini u kundizzjonijiet japplikaw.

Ritratti: MGOZ

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com