Il-Ministeru Għall-Edukazzjoni Jiċċara Dwar Id-Deployment Ta’ 23 Għalliem
Fi stqarrija dwar deployment ta’ 23 għalliem fil-Govanni Curmi Higher Secondary School (GCHSS), il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li f’din l-iskola hemm 167 għalliem u wara d-deployments l-istudenti se jkollhom l-għalliema li huma meħtieġa biex jgħallmuhom il-lezzjonijiet li jkollhom fil-GCHSS. Il-GCHSS mhix qed tnaqqas mil-lezzjonijiet tagħha lill-istudenti.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni sostna li ċ-ċaqliq ta’ dawn l-għalliema ta’ suġġetti differenti, inkluż tal-Malti, Matematika, Ingliż, Fiżika u oħrajn, qed isir għaliex huma meħtieġa jgħallmu fi skejjel oħra. B’hekk għalliema fi skejjel oħra tonqsilhom it-teaching load tagħhom għas-sena skolastika li jmiss.
Kif spjegat fl-istqarrija d-deployment isir wara li l-maniġment, jiltaqa’ mal-impjegati biex jispjegalhom is-sitwazzjoni qabel ma tintbagħtilhom id-deployment note.
Il-Ministeru jiċċara wkoll u jserraħ moħħ il-ġenituri u l-istudenti li, kontra dak li qed jingħad, mhux minnu li se tingħalaq il-Higher Secondary, anzi se nsaħħuha.
Il-Ministeru saħaq ukoll li se jibqa’ jara li jkomplu jissaħħu l-iskejjel u l-programmi edukattivi bħal Govanni Curmi Higher Secondary School, l-iskola Sir MikielAnġ Refalo Sixth Form, u l-MCAST, kif ukoll dawk li introduċa f’dawn l-aħħar snin bħall-ĠEM16+, l-ALP u l-ALP+. “Hija l-prijorità tal-Ministeru għall-Edukazzjoni li uliedna jingħataw l-aħjar edukazzjoni possibbli u l-aqwa opportunitajiet li jistgħu jingħataw u dan it-tibdil jirrifletti din il-ħidma kontinwa fis-settur edukattiv,” tenna l-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Il-Ministeru kkonkluda li se jibqa’ disponibbli kif dejjem kien biex jiltaqa’ mal-MUT, kif għamel fil-jiem li għaddew, filwaqt li se jara li d-deployment tal-għalliema bla lezzjonijiet fil-GCHSS isir biex l-istudenti fl-iskejjel ma jiċċaħdux minn għalliema u biex in-numru ta’ lezzjonijiet tal-għalliema fl-iskejjel jibqa’ jitqassam b’mod ekwu.