Il-Lingwa Tas-Sinjali Tisraq Il-Qlub Fl-Għanja Tal-Poplu
Is-Sibt li għadda fi Pjazza Teatru Rjal ttellgħet il-45 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu fi bis-sehem tal-Malta Concert Orchestra taħt id-direzzjoni tal-Mro Joe Brown. Il-festival kien imxandar live fuq TVM bil-preżentazzjoni ta’ Ray Calleja.
Fuq il-midja socjali stajna ninnutaw kummenti ta’ apprezzament għall-wirja stupenda ta’ Dario u Grecia Bezzina. L-aħwa Bezzina ppreżentaw il-kanzunetta “Il-Bajtar Sar” fuq kliem ta’ Rita Pace u mużika ta’ Dario stess.
Il-kanzunetta titkellem fuq ir-relazzjoni ta’ koppja hekk kif jgħaddi ż-żmien. Faċli tgħid li se tibqa’ tħobb persuna ħajtek kollha. Imma ż-żmien x’effett jista’ jħalli fuq relazzjoni? X’jiġri meta koppja tiltaqa’ mal-mard u meta ż-żmien jibda jagħmel tiegħu? Kemm hi faċli li bniedem iżomm kelma imma fl-istess ħin ikollu rasu mistrieħa li almenu f’ħajtu hemm persuna waħda li jiġri x’jiġri se tibqa’ hemm?
Barra li l-aħwa Bezzina taw interpretazzjoni vokali brillanti, issorprendew lil kulħadd hekk kif lejn l-aħħar tal-kanzunetta wżaw il-lingwa tas-sinjali u wasslu l-messaġġ tal-kanzunetta anki lil dawk il-persuni neqsin mis-smiegħ.
Dan is-sit tkellem ma’ Dario inniffsu u gġaddielna dawn il-kummenti: “Waħda mill-akbar beżgħat tiegħi bħala mużiċist dejjem kienet li nitlef is-smiegħ. Kultant nieħdu l-affarijiet for granted iżda rridu niftakkru li kull jum li jgħaddi hu misluf lilna. Ktibt u kantajt diversi kanzunetti, iżda fil-kanzunetta Il-Bajtar Sar ridt niftakar f’dawk il-persuni li huma neqsin mis-smiegħ u li sfortunatament m’għandhomx il-faċilità li jgawdu avvenimenti mużikali bħal dawn”.
Ta’ dan Dario u Grecia ngħataw il-premju għall-aqwa interpretazzjoni. Il-kanzunetta ‘Fuq L-Ixkaffa’ interpretata minn Sean Borg fuq kliem u mużika ta’ Philippa Naudi u Bettina Muchmore rebħet it-titlu taL-Għanja tal-Poplu 2021.
Il-kanzunetta ‘Is-Sirena Li Welldet it-Tama’ kantata minn Haley Azzopardi u miktuba minn Paul Ellul, b’mużika ta’ Mark Spiteri Lucas ġiet ikklassifikata fit-tieni post.
Il-grupp MeadowStrings magħmul minn Mario Camilleri u Magdalene Farrugia rebħu t-tielet post bil-kanzunetta ‘Niftakar’ fuq kliem u mużika tagħhom stess. Il-grupp MeadowStrings rebħu wkoll il-premju għall-aħjar kantawtur.
Il-premju għall-aħjar tema soċjali mar għand Mark Laurence Zammit bil-kanzunetta ‘Se Nirranġaw’ interpretata minn Dominic Cini u Anna Azzopardi.
Nawguraw minn qalbna lill-parteċipanti kollha!