Aġenzija Żgħażagħ Tiċċelebra L-10 snin Mit-twaqqif Tagħha
Waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ bit-tema ‘Transforming Food Systems: Youth Innovation for Human and Planetary Health’, ġew iċċelebrati l-għaxar snin mit-twaqqif ta’ Aġenzija Żgħażagħ, li taw ħarsa lejn il-kisbiet u x-xogħol imwettaq matul dawn is-snin.
Bħala parti mill-ħidma tagħha, Aġenzija Żgħażagħ qed tinvesti f’seba’ ħaddiema żgħażagħ li jaħdmu madwar 40 siegħa fil-ġimgħa maż-żgħażagħ fit-toroq ta’ Birżebbuġa, iż-Żejtun, il-Kottonera, l-Imsida u Buġibba biex jisimgħu l-ideat u suġġerimenti tagħhom, u jiddiskutu bosta kwistjonijiet li jirrelataw magħhom.
Dan kollu jifforma parti mix-xogħol li ilha tagħmel f’dawn l-aħħar għaxar snin. Dan l-anniversarju qed jiġi ċċelebrat fil-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ, bil-għan li jenfasizza li s-suċċess tal-isforz globali, jinkiseb bil-parteċipazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ. Bħala parti minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ġiet mtella’ wkoll skate jam fl-iskate park ta’ Birżebbuġa bil-parteċipazzjoni ta’ diversi żgħażagħ u tal-Malta Trust Foundation.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li tkun qed turi fiduċja fiż-żgħażagħ meta tgħabbihom b’responsabbiltajiet għax tkun konvint li se jkunu kapaċi jġorruhom. “Bħala gvern għamilna eżattament dan fil-konfront taż-żgħażagħ tagħna. F’Marzu tas-sena 2018 liż-żgħażagħ tagħna tajnihom id-dritt tal-vot mal-età ta’ 16-il sena. Personalment kburija li mill-kariga li kont nokkupa dakinhar ta’ Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi tajt is-sehem tiegħi għal din ir-riforma importanti. Konna t-tieni pajjiż fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, wara l-Awstrija, li tajna dan id-dritt u fost l-ewwel 10 pajjiżi fid-dinja”, qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
Il-ministru żiedet tgħid li, “Dawn il-passi importanti kienu kkumplimentati bi żviluppi kbar, partikolarment fil-qasam edukattiv mgħejunin minn għajnuniet finanzjarji waqt li jkunu għaddejjin bl-istudji tagħhom bħalma huma l-istipendji u l-ħolqien ta’ opportunitajiet għal impjiegi fid-diversi oqsma tal-ekonomija ddiversifikata li komplew iwessgħu l-orizzonti għaż-żgħażagħ tagħna. Ġenerazzjoni żagħżugħa b’saħħitha tiggarantixxi ġejjieni għal poplu b’saħħtu. Għal dan il-għan ħdimna, qegħdin naħdmu u se inkomplu naħdmu biex min-naħa tagħha din l-istess ġenerazzjoni, mibnija fuq sisien sodi, tkompli taħdem b’risq il-ġenerazzjonijiet li jiġu warajha”.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima saħaq li skond il-politika nazzjonali taż-żgħażagħ, ser inkunu qegħdin naraw titjib fir-riżorsi li permezz tagħhom iż-żgħażagħ jistgħu jsaħħu l-abbiltajiet u l-kapaċitajiet tagħhom. Huwa fakkar li aktar minn qatt qabel, fil-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ, għandna nkunu konxji dwar id-dmir li nibqgħu naħdmu sabiex iż-żgħażagħ kollha jingħataw l-għodda neċessarja sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw b’mod sħiħ u hekk ikollhom rwol importanti fis-soċjetà. Soċjetà li mhux biss għandha tilqa’ liż-żgħażagħ, iżda għandha sservi sabiex tassigura li dawn iċ-ċittadini jkollhom rwol ċentrali fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
“Aħna kunfidenti li jekk naħdmu flimkien fi spirtu ta’ koperazzjoni u nuru rispett lejn xulxin, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ tagħna se jkunu kapaċi jaffaċċjaw l-isfidi u jaħtfu l-opportunitajiet tal-futur biex finalment ikunu kemm individwi, kif ukoll ċittadini aħjar”, temm jgħid is-segretarju parlamentari.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma spjegat li l-għan tal-aġenzija huwa li tipprovdi liż-żgħażagħ bil-ħin u l-ispazju biex jagħmlu ħbieb, jitgħallmu b’modi ġodda u jiżviluppaw it-talenti tagħhom permezz tas-servizzi reġjonali għaż-żgħażagħ u l-programm estensiv ta’ empowerment.
Il-programm ta’ empowerment jipprovdi liż-żgħażagħ bi proġetti u attivitajiet fl-arti viżiva, mużika, teatru, film, kitba, u impenn ċiviku u politiku fil-livell lokali u Ewropew. Is-servizzi reġjonali taż-żgħażagħ jipprovdu attivitajiet fil-youth cafes, ċentri taż-żgħażagħ, skejjel u fit-triq bħala xogħol separat. Is-servizz interattiv ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ jipprovdi informazzjoni dwar servizzi u opportunitajiet għaż-żgħażagħ kif ukoll jisma’ l-opinjonijiet tagħhom dwar kwistjonijiet li għandhom impatt fuq ħajjithom. Permezz tal-Eurodesk, il-European Youth Card u l-parteċipazzjoni fi programmi tal-UE, iż-żgħażagħ jiġu offruti l-opportunità li jesploraw il-ħajja, it-tagħlim u x-xogħol madwar l-Ewropa.
Il-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ huwa ċelebrazzjoni dinjija mwaqqfa mill-Ġnus Magħquda li jgħaqqad miljuni ta’ żgħażagħ minn madwar id-dinja permezz ta’ diversi attivitajiet u avvenimenti. Iż-żgħażagħ huma l-aġenti tal-bidla u din iċ-ċelebrazzjoni annwali hija tifkira qawwija tal-importanza taż-żgħażagħ fis-soċjetajiet madwar id-dinja. Preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Matthew Vella u l-Advocacy officer f’isem il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ is-sur Jacob Callus.
Ritratt: DOI