Raġel Ta’ 30 Sena Arrestat Wara Li Darab Żagħżugħ B’Sikkina F’Birkirkara
Raġel ta’ 30 sena minn Ħal Qormi ġie arrestat matul il-lejl, wara l-każ ta’ feriment li seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-7:30pm fi Triq il-Wied, Birkirkara.
Minn stħarriġ preliminari tal-Pulizija fuq il-post irriżulta li raġel ta’ 27 residenti l-Imsida kien sofra ġrieħi kkawżati minn arma taqta’ u bil-ponta waqt argument. Raġel ieħor li allegatament kien involut fl-argument ħarab minn fuq il-post.
Il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi.
Aktar investigazzjonijiet mill-Pulizija waslu sabiex matul il-lejl ġie arrestat ir-raġel l-ieħor, li għandu 30 sena residenti Ħal Qormi u qed jinżamm fil-lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Victor Axiaq li ħatar inkjesta.
Il-Pulizija għaddejja b’aktar investigazzjonijiet.
Ritratti: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta