Raġel Somalu Jinqabad B’€165,548 Fi Flus Kontanti Mhux Dikjarati Fl-Ajruport

 Raġel Somalu Jinqabad B’€165,548 Fi Flus Kontanti Mhux Dikjarati Fl-Ajruport

Matul il-jiem li għaddew id-Dwana ta’ Malta kompliet il-ġlieda tagħha kontra l-moviment mhux iddikjarat ta’ flus kontanti mill-fruntieri Maltin.

Ilbieraħ uffiċjali tad-Dwana wettqu spezzjonijiet konġunti ta’ rutina mas-sezzjoni tal-klieb fejn ġew interċettati l-ekwivalenti ta’ €165,548 fi flus kontanti mhux iddikjarati wara indikazzjoni mill-kelba Sophie.

Il-flus instabu fuq passiġġier Somalu li kien qed jivvjaġġa lejn it-Turkija. Il-passiġġier kien skortat lejn l-uffiċċju tad-Dwana fl-ajruport għal aktar spezzjonijiet. Il-passiġġier iddikjara li hu kien qed iġorr madwar 1,600 dollaru, madankollu waqt aktar tfittxija waslet għall-iskoperta ta’ €10,000 oħra. Fl-istess ħin il-bagalji tiegħu nħattu minn fuq l-ajruplan għal aktar tfittxija fejn ġew elevati €155,000 oħra, b’total ta’ €165,548.

Il-passiġġier ġie arrestat filwaqt li l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

Sadanittant, fi tmiem il-ġimgħa ta’ Santa Marija, il-klieb tad-Dwana Sophie u Charlie rreaġixxew b’mod pożittiv fuq żewġ bagalji oħra fl-Ajruport. Passiġġier Marokkin instab li kien qed iġorr €11,055 fi flus kontanti mhux iddikjarati filwaqt li passiġġier Eġizzjan instab li kien qed iġorr €15,000 fi flus kontanti mhux iddikjarati.

Tfittxijiet ta’ infurzar mid-Dwana fil-jiem li għaddew li saru f’Ħal Luqa, Ħal Qormi, il-Marsa, l-Imsida, Ta’ Xbiex, in-Naxxar u l-Isla wasslu għall-qbid ta’ 10 kilogrammi ta’ tabakk, flimkien ma’ sigaretti tal-kuntrabandu, alkoħol u diversi kontenituri ta’ żejt u bolol tas-sisa mhux użati, minn tmien ħwienet differenti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com