Neil Agius Jissottometti D-Dokumenti Kollha Sabiex L-Għawma Tkun Dikjarata Bħala Rekord Dinji
Id-dokumentazzjoni kollha li kien hemm bżonn biex tiġi sottomessa sabiex l-għawma li għamel Neil Agius bejn Linosa u Għawdex tkun rikonoxxuta bħala rekord dinji, issa tinsab lesta.
Dan ħabru Neil Agius stess fuq il-mezzi soċjali tiegħu fejn qal li din kienet ħolma li dejjem kellu u li issa tinsab verament fil-qrib li sseħħ.
Neil Agius għawm 125.7 kilometri bejn Linosa u Għawdex f’52 siegħa mingħajr waqfien u għajnuna, f’baħar miftuħ.
“Ninsab verament eċċitat u qas irid nemmen li wasalt s’hawn,” tenna Neil, filwaqt li qal li wasal s’hawn sforz is-sagrifiċċji kbar li għamel, ljieli mingħajr irqad u taħriġ li kien jagħmel waħdu.
Id-dokument li kellhom jippreparaw huwa wieħed dettaljat ħafna, “bħal teżi” qal Neil, b’minuta minuta b’detalji bħal x’xorob u kemm xorob meta waqaf, x’kiel, fuq xiex kien jitkellem meta kien jieqaf jistrieħ ftit, apparti ritratti u provi oħra tal-għawma li għamel Neil.
Issa jonqos li nistennew xahrejn oħra sakemm dawn id-dokumenti kollha jkunu verifikati sakemm finalment l-għawma li għamel Neil tkun iddikjarata bħala rekord Dinji.
Ritratt: Kurt Arrigo