“Aħna Lkoll Aħwa Maltin Li Nemmnu Fil-Bidla” – Il-Kap Tal-PN Bernard Grech
F’diskors li għamel ilbieraħ filgħaxija l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wassal l-appell tiegħu u saħaq li din mhux ġlieda bejn il-blu u l-aħmar iżda għall-bandiera Maltija. Appella lil-Laburisti li jħossuhom traduti biex jingħaqdu mal-Partit Nazzjonalista. Hu stqarr li hemm bżonn bidla fid-direzzjoni, u li tagħmlilna kburin. “Illum għandna bżonn ningħaqdu. Aħna lkoll aħwa Maltin, li nemmnu fil-bidla.”
Fid-diskors tiegħu fuq il-Fosos tal-Florjana qal li Malta trid terġa’ tiġbed interess qawwi tal-investituri barranin. Qal li hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jaħdem biex iġib lejn Malta kumpaniji bħal Google, Facebook u Apple.
Bernard Grech ta garanzija wkoll li jekk ikun elett Prim Ministru mhu se jkun qiegħed ikeċċi lill-ebda ħaddiema li jaħdmu fis-settur pubbliku.
“Agħżel il-post, agħżel il-ħin, agħżel il-moderatur u ssibni hemm, għax jien ma nibżax nikkonfronta l-ideat. Flok tikkopja lill-Partit Nazzjonalista ejja ddiskuti magħna,” qal Grech lill-Prim Ministru Robert Abela filwaqt li stiednu pubblikament għal diskussjoni.
Fid-diskors tiegħu Bernard Grech qal li l-Partit Laburista jħobb jgħajjar lill-PN li huwa negattiv, pero’ qal li huwa l-Partit Laburista li qed isib “problema f’kull soluzzjoni li nipproponu aħna”.
Il Kap Nazzjonalista staqsa kif jista’ Robert Abela jifhem lill-poplu Malti meta hu sab sodda mifruxa u mhux kellu jqatta’ bi snienu bħall-biċċa l-kbira tal-Maltin. Bernard Grech kompla jgħid li għall-kuntrarju ta’ Dr Abela, huwa ma jibżax mill-ħuta l-kbira u m’għandux idejh marbuta. “Jien se nkun obbligat biss lejkom. Jekk intom ittuni l-fiduċja li nkun il-Prim Ministru jiena nwiegħed li f’kull deċiżjoni li nieħu mmexxi biss l-interessi tagħkom f’moħħi u f’qalbi.”
Bernard Grech temm id-diskors tiegħu b’diversi slogans mill-passat tal-PN sabiex wassal il-messaġġ bit-tema ta’ dawn il-festi tal-Indipendenza “Kun il-Bidla”.
“Infakkarkom li flimkien kollox possibbli. Irridu kuljum naħdmu għax-xogħol, għall-ġustizzja u għal-libertà. Dan irridu nagħmluh, għalina, għal uliedna u għal pajjiżna. Ftakru li llum iktar min qatt qabel irridu nagħżlu ’l Malta. Għinuni nkompli nagħti dan il-partit lin-nies. Flimkien nistgħu nkunu l-bidla,” temm jgħid Bernard Grech.