Is-Salib Tad-Dejma F’Ħal Qormi Jispiċċa Mfarrak

 Is-Salib Tad-Dejma F’Ħal Qormi Jispiċċa Mfarrak

“Ta’ stmerrija kbira, l-att vandalu fuq is-Salib tad-Dejma f’Ħal Qormi,” kiteb il-Ministru Jose Herrera fuq il-mezzi soċjali tiegħu, wara li dan is-salib jidher li spiċċa mkisser f’biċċiet f’att vandalu li seħħ dalgħodu.

Huwa kompla jgħid li dan hu mument ta’ dispjaċir għalih u għal kull min għandu għal qalbu l-patrimonju Malti.

“Mhux aċċettabbli li l-patrimonju tagħna jiġi mmfarrak u vandalizzat, meta ser nitgħallmu napprezzaw dak li jagħmilna minn aħna,” kompla jgħid Jose Herrera.

Jidher li f’dawn l-aħħar jiem tħabbar li dan is-salib kien ħa jkun restawrat, bix-xogħol kien ħa jibda fil-ġranet li ġejjien. Dan kien konfermat mill-Ministru stess kif ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li wkoll kitbu dwar dan l-att vandalu fejn ikkundannaw bla riserva dan l-att.

“Nemmen li aktar minn qatt qabel, li wasal iż-żmien li rridu ninvestu aktar fis-sens ċiviku u tagħlim dwar l-istorja, apprezzament tal-kultura u l-istorja ta’ pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Jose Herrera.

Minn naħa tagħhom il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi qalu li jistennew li ssir ġustizzja mal-poplu Qormi u l-Wirt Storiku Malti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com