Bil-Filmat: Ambulanza Tipprova Tgħaddi Minn Qalb L-Imwejjed Fil-Belt Valletta
“Sinjuri tal-Ippjanar, TM u l-infurzar, Tafu x’qed tagħmlu? Tafu li qed tipperikolaw ħajjet in-nies?” Propju hekk beda l-messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu dalgħodu l-Viċi Sindku tal-Belt Valletta, Ray Azzopardi.
Dan wara inċident li seħħ fi Strada Merkanti l-Belt Valletta, bl-ambulanza jkollha tgħaddi b’diffikultà kbira minn qalb l-imwejjed tar-restoranti li hemm f’din l-istess triq.
“Tafu li tant intkom bravi li lanqas qed tindunaw bl-injoranza tagħkom stess. Dan tridu? L-ewwel il-kummerċ u mbagħad ħajjet in-nies? Miniex kontra l-kummerċ imma ma tistax taħseb f’ħaġa waħda biss,” kompla jisħaq Ray Azzopardi f’dan il-messaġġ indirizzat lill-awtoritajiet konċernati.
Huwa kompla jgħid li “hemm il-loġika li wisq probabbli lanqas għandkom minnha fil-kuruturi ta moħħkom.”
Azzopardi tenna jgħid fl-appell ġenwin tiegħu li ma jixtieqx li jasal il-mument li minħabba din is-sitwazzjoni tispiċċa tintilef xi ħajja ta’ persuna għax wara jkun tard wisq.
Tkellimna mal-Viċi Sindku Ray Azzopardi li dak il-ħin kien fuq il-post fejn qalilna li din l-ambulanza qabel għaddiet minn hemm pruvat tgħaddi minn diversi toroq oħra però minħabba ostakli ta’ mwejjed u karozzi ma setgħetx. “Spiċċajna li jekk tkun f’sitwazzjoni bejn ħajja u mewt probabbilment minħabba l-ammont kbira ta’ ħela ta’ ħin sakemm tasal l-ambulanza din taf tkun tard wisq,” qalilna Azzopardi. Huwa kompla jgħidilna li “din kienet ambulanza, kieku kienet fire engine x’kien jiġri?”
“Qumu mir-raqda li tinsabu fiha…Qed iberraq tħalluħx jasal dak iż-żmien,” temm jgħid il-Viċi Sindku tal-Belt Valletta Ray Azzopardi.