Is-Sajjieda Ħa Jkunu Fiċ-Ċentru Tal-Proċess Tat-Teħid Ta’ Deċiżjonijiet Għal Sajd Aktar Sostenibbli

 Is-Sajjieda Ħa Jkunu Fiċ-Ċentru Tal-Proċess Tat-Teħid Ta’ Deċiżjonijiet Għal Sajd Aktar Sostenibbli

Il-Ministru Anton Refalo ħabbar l-implimentar tal-proġett ta’ ko-immaniġġjar tas-sajd ma’ diversi pajjiżi fil-Mediterran u ma’ LIFE (Low Impact Fishers of Europe). Dan il-proġett jifforma parti minn proġett ikbar madwar il-Mediterran appoġġat mill-Fondazzjoni MAVA bil-mira li tingħata spinta lir-reżiljenza tas-settur tas-sajd fil-Mediterran.

Il-Ministru Refalo qal li l-għan ewlieni ta’ dan il-proġett huwa li s-sajjieda jipparteċipaw u jkollhom sehem fl-immaniġġjar tas-sajd b’mod partikolari taż-ŻMPi (Żoni Marittimi Protetti), għax jiffurmaw parti mill-għajxien tas-sajjieda. Huwa kompla jgħid li l-ko-immaniġġjar jipprovdi spina ta’ governanza fejn is-sajjieda jkunu fic-ċentru tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Din l-istruttura tqis ir-realtajiet lokali differenti u tibni fuq l-esperjenza u l-ħiliet ta’ nies li jiddependu direttament fuq is-sajd waqt li tippromwovi sens ta’ ownership u ko-responsabbiltà.

Għaldaqstant, permezz ta’ proċess ta’ ko-immaniġġjar, se jiġu organizatti laqgħat fejn is-sajjieda jkollhom l-opportunità li jaqsmu l-opinjonijiet u l-fehmiet tagħhom dwar l-attivitajiet tas-sajd. Flimkien max-xjentisti u mal-policy makers, se jiġu diskussi modi differenti ta’ sajd sostenibbli li jilħqu bilanċ bejn l-ekosistema u d-dimensjoni soċjo-ekonomika biex ma jkunx hemm impatt fuq ir-reżiljenza tas-settur. Dan il-proġett qed isir f’diversi pajjiżi madwar il-Mediterran u jifforma parti mill-impenn ta’ Malta fl-isfond tal-MedFish4Ever, pjan ta’ għaxar snin għal baħar Mediterran aktar sostenibbli.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com