Imnedija Policy Għall-Konsultazzjoni Pubblika Dwar L-Avjazzjoni Ċivili Għal Malta
Waqt konferenza għall-aħbarijiet, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg nieda policy għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-avjazzjoni ċivili għal Malta, pjan li se jkun qed iħares lejn l-iżvilupp tas-settur tal-avjazzjoni f’pajjiżna sal-2030.
Il-Ministru Ian Borg qal, “Waqt id-diskors tal-baġit għall-2021, konna wegħdna li niżviluppaw politika dwar l-avjazzjoni ċivili għal Malta. U llum qed inwettqu dik il-wegħda. Bħala gvern, irridu li dan is-settur mhux biss ikun l-aħjar fl-Ewropa iżda jsir settur rinomat fuq skala globali. Din hija politika li tfittex li tiżgura li matul id-disa’ snin li ġejjin is-settur tal-avjazzjoni Malti mhux biss jirnexxielu jirkupra mill-pandemija COVID-19, iżda jkompli jiżviluppa u jifjorixxi. F’din il-politika identifikajna aktar minn 20 objettiv li permezz tagħhom se nkunu qed nagħmlu passi ta’ ġgant fl-avjazzjoni, fosthom li se ntejbu l-benefiċċji ekonomiċi ta’ settur ta’ avjazzjoni ċivili b’saħħtu, se nżidu l-potenzjal ta’ setturi ġodda, se nsaħħu l-konnettività u se nindirizzaw kundizzjonijiet bħall-konġestjoni u l-impatt tal-karbonju.”
L-avjazzjoni minn dejjem kellu rwol fundamentali għall-ekonomija tal-gżejjer Maltin. Qabel il-pandemija, dan is-settur kien jikkontribwixxi għal xejn inqas minn 5,500 impjieg dirett, użat minn aktar minn seba’ miljun passiġġier fis-sena u jiġġenera madwar €600 miljun fl-ekonomija tagħna.
“Tajjeb li wieħed jgħid li f’Awwissu diġà lħaqna 50% tan-numri ta’ qabel il-pandemija f’dawk li huma nies li jagħżlu li jżuru pajjiżna permezz tal-avjazzjoni. Dan juri biċ-ċar il-ħidma estensiva ta’ dan il-gvern għall-irkupru ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru Ian Borg.
Iċ-Chairperson tal-Kumitat Konsultattiv tal-Avjazzjoni Karmenu Vella semma kif permezz ta’ din il-konsultazzjoni pubblika l-istakeholders issa għandhom l-opportunità li jipparteċipaw fit-tfassil tal-politika nazzjonali għall-avjazzjoni ċivili, li se twassalna sal-2030. “Din hi policy li għandha l-għan li ssaħħaħ il-ħidma kollettiva bejn dawk li b’xi mod jew ieħor huma involuti fis-settur tal-avjazzjoni, sabiex dan is-settur f’Malta jkun minn tal-ewwel li jirritorna għal-livell ta’ attività li kellu qabel il-pandemija. Fost affarijiet oħrajn, din il-policy qed tħares ukoll sabiex issaħħaħ industriji tradizzjonali, tesplora l-potenzjal ta’ niċeċ ġodda, kif ukoll tara li dan is-settur ikompli jikber u jsir aktar sostenibbli.”
Ritratti: DOI