Il-Pandora Papers Jiżvelaw Li John Dalli Kellu Kumpanija Sigrieta Waqt Li Kien MP
Ilbieraħ fis-6:30pm ġew ippubblikati madwar 11.9 miljun dokument fejn kixfu fost oħrajn madwar 335 politiku jew ex politiċi li użaw kumpaniji offshore biex jevadu t-taxxa. Dawn jinkludu 35 Kap ta’ Pajjiż li jinkludu Presidenti, Prim Ministri u Kapijiet ta’ Stati b’uħud attwali. Apparti min hekk jissemmew ukoll 300 persuna pubblika li jinkludu Ministri, Imħallfin u Maġistrati, Ġenerali tal-Armati u aktar, minn madwar 90 pajjiż minn madwar id-dinja.
Dawn id-dokumenti bl-isem ta’ Pandora Papers inħarġu mill-Konsorzju ta’ Ġurnalisti Internazzjonali ICIJ fosthom ġurnalisti mit-Times of Malta wkoll, fejn esponew numru rekord ta’ kumpaniji offshore fil-Panama, Dubai, Monaco, Svizzera u l-Gżejjer ta’ Cayman.
Fost l-ismijiet ta’ politiċi jissemma l-eks Ministru u eks Kummissarju Ewropew Malti John Dalli.
Mill-investigazzjonijiet li saru mill-ICIJ jirriżulta li John Dalli kien sid ta’ kumpanija offshore irreġistrata fil-British Virgin Islands. Huwa qatt ma kien iddikjara li huwa s-sid ta’ din il-kumpanija fid-dikjarazzjoni tal-assi bħala Membru Parlamentari.
L-ICIJ qalet ukoll li mill-investigazzjoni li saret John Dalli kien uża s-servizzi tal-kumpanija legali Alcogal fil-Panama biex jaħbi li huwa s-sid tal-kumpanija Westmead Overseas Ltd. Din il-kumpanija kienet infetħet minn Dalli f’Awwissu tal-2006.
S’issa għadu mhux magħruf x’kienet l-intenzjoni tal-ħolqien tal-kumpanija.
B’reazzjoni għal dan kollu John Dalli f’email tard ilbieraħ filgħaxija fisser ir-rapporti dwaru bħala “insinwazzjonijiet malizzjużi.” Huwa ippubblika koppji ta’ emails indirizzati lill-ICIJ, fejn John Dalli jsaqsi diversi mistoqsijiet lil ‘The Times of Malta’ però jibqa’ mingħajr tweġibiet.