“L-Ambizzjoni Ta’ Għawdex Tmur Lil Hinn Mix-Xogħol Prekarju U L-Vapuri Second-Hand” – Il-PN
Gvern ġdid Nazzjonalista jkun gvern ta’ ambizzjoni mġedda għal Għawdex, imsejsa fuq il-bżonnijiet tal-Għawdxin stess li jridu jaraw qawmien ġdid fis-settur privat, investiment fl-industrija Għawdxija u konnettivita akbar bejn iż-żewġ gżejjer.
Dan qaluh il-Kelliem Peter Agius, il-Kelliem għal Għawdex Chris Said u l-kandidat Alex Borg f’messaġġ mill-qasam industrijali tax-Xewkija.
Peter Agius spjega kif il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista tieħu ħsieb li tirrispondi għall-ambizzjoni tal-Għawdxin li jridu jikbru aktar mix-xogħol prekarju tal-Gvern iżda jridu jaraw tkabbir awtentiku fis-settur privat. Huwa qal li l-PN mhux biss ħaseb fi proposti ta’ konnettività akbar għal Għawdex iżda żied ma dawn proposti għal sostenn fl-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-loġistika kollha tat-trasport b’fond Nazzjonali ta’ 40 miljun u b’intermodal hub li jkunu essenzjali għall-prodott Għawdxi biex mhux biss jasal Malta aħjar iżda jasal ukoll fi swieq Ewropej u dinjin.
Il-Kelliem għal Għawdex Chris Said spjega kif l-investiment ġo Għawdex jirrikjedi investiment f’vapur ġdid tal-merkanzija li jaħdem kuljum u li jassigura li kull fabbrika u kull intrapriża Għawdxija għanda servizz maħsub apposta għaliha li jiftaħ il-potenzjal tal-industrija Għawdxija biex tikkompeti kemm f’Malta kif ukoll biex tesporta lill-hinn.
Chris Said spjega kif il-wegħdi miksura fuq il-vapur tal-merkanzija wasslu f’sitwazzjoni fejn bħalissa l-merkanzija qed tidħol fl-istess vapuri tal-passiġġieri bir-riżultat li ta’ spiss ikun hemm overload u inkonvenjenzi oħra kemm għan-negozju Għawdxi li jrid servizz aktar affidabbli u programmabli kif ukoll għall-passiġġieri. Dan jiġi indirizzat bi Gvern ġdid Nazzjonalista li jinvesti f’żewġ vapuri ġodda inkluż wieħed dedikat internament għall-merkanzija.
Il-kandidat fuq Għawdex Alex Borg spjega kif l-ambizzjoni tal-Għawdxin saret akbar mill-port tal-Imġarr u li għaldaqstant Gvern ġdid Nazzjonalista jara li jitkabbar il-port li bħalissa irid jaqdi, sajjieda, dgħajjes privati, vapuri tal-Gozo Channel u Fast Ferry. Gvern ġdid Nazzjonalista jirrispondi għall-ambizzjoni tal-Għawdxin li jkabbar il-port li huwa konnessjoni vitali ta’ Għawdex mal-bqija tad-dinja.
Alex Borg emfasizza li l-investiment fil-konnettività Għawdxija ikun essenzjali biex il-politika tassew tipprovdi l-istimolu għas-settur privat f’Għawdex li jeħtieġ appoġġ lilhinn mill-politika ta’ xogħol prekarju tal-Gvern attwali.