79% Tal-Miżuri Tal-Baġit Jiġu Mwettqa

 79% Tal-Miżuri Tal-Baġit Jiġu Mwettqa

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana u mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, intqal li ġew imwettqa 79% tal-miżuri tal-Baġit. Dan irriżulta minn pubblikazzjoni li ħareġ is-Servizz Pubbliku għat-tmien sena konsekuttiva, li fiha ngħata rendikont tal-ħidma li saret fuq kull miżura tal-Baġit għas-sena 2021.

Dan l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ juri li b’kollox din is-sena twettqu 364 miżura. Dan jinkludi miżuri mill-Baġit 2021 kif ukoll 159 miżura oħra li fis-sena tagħhom kienu fi stadju ta’ twettiq u li twettqu fl-2021.

Il-Ministru Caruana spjega li d-dokument ta’ implimentazzjoni jagħti rendikont tal-aħħar sena u tal-isfidi ċari li ġabet magħha l-pandemija, u hekk ukoll se jagħmel il-Baġit għas-sena 2022 li se jitħabbar il-ġimgħa d-dieħla. Qal li bil-kontra ta’ pajjiżi oħra, pajjiżna ħareġ mill-agħar tal-pandemija b’inqas qgħad irreġistrat, inqas nies inattivi u iktar nies fid-dinja tax-xogħol. Il-Ministru aċċenna li dak li jagħmel il-miżuri ta’ kull baġit sostenibbli u r-rota tal-progress tkompli ddur, huwa suq tax-xogħol b’saħħtu li fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxi għall-fiskal tal-pajjiż.

Il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar semma li l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ u t-twettiq li ddaħħal mis-Servizz Pubbliku tmien snin ilu, jassigura li dak li jkun ġie mwiegħed waqt id-diskors tal-Baġit, jitwettaq. Riżultat ta’ dan, fl-aħħar 8 snin twettqu total ta’ 1,970 miżura. Is-segretarju permanenti ewlieni temm jgħid li bħalma ilu jsir mill-2019, il-miżuri tal-Baġit ġew allinjati mal-miri tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Magħquda. F’dan ir-rigward, Malta preżentament tokkupa t-33 post minn 165 pajjiż.​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com