Jitħabbar It-Tieni Simpożju Mis-Sensiela Ta’ Simpożji Kulturali Tal-Presidenza
Wara s-suċċess tal-ewwel simpożju kulturali li sar flimkien mal-Ambaxxata Franċiża f’Malta, l-Uffiċċju tal-President ser jorganizza t-tieni simpożju kulturali li din id-darba ser jiffoka fuq l-Ordni Sovran ta’ Malta. Is-simpożju ser isir nhar l-Erbgħa 13 ta’ Ottubru biex jikkoinċidi wkoll mal-festa tal-Beatu Ġerardu, il-fundatur tal-Ordni ta’ Ġerusalemm fl-1048.
Dan it-tieni simpożju ser ifittex li jesplora r-relazzjoni politika, kulturali u istituzzjonali bejn Malta u l-Ordni ta’ Malta waqt li jiffoka fuq l-istorja tar-relazzjonijiet diplomatiċi u l-istorja tal-Ordni wara t-tluq tagħha minn Malta fl-1798, il-patrimonju artistiku u kulturali tal-Ordni ta’ Malta llum, kif ukoll il-funzjoni, ir-rwol u l-iskop tal-Ordni ta’ Malta.
Is-simpożju ser jiġi indirizzat mill-President ta’ Malta, mill-Ambaxxatur Malti tal-Ordni ta’ Malta George Buttigieg, li ser ikun ukoll wieħed mill-kelliema akkademiċi, u mill-Ambaxxatur tal-Ordni ta’ San Ġwann għal Malta Augusto Ruffo di Calabria. Il-mistednin speċjali li ser jiġu intervistati matul is-simpożju jinkludu lil Douglas Graf Saurma-Jeltsch, membru tal-bord eżekuttiv tal-Malteser Hilfsdienst fil-Ġermanja u li kien ambaxxatur tal-Ordni Sovran ta’ Malta fil-Litwanja kif ukoll Dominique Prince de La Rochefoucauld-Montbel, Bailiff Grand Cross tal-Unur u d-Devozzjoni fl-Ubbidjenza. Numru ta’ kelliema interessanti ser ikopru diversi aspetti tar-rabtiet storiċi u kulturali bejn l-Ordni ta’ Malta u r-Repubblika ta’ Malta.
L-attività prinċipali ser issir fil-Palazz ta’ Sant’Anton għalkemm ser tkun disponibbli wkoll f’forma ibrida fuq pjattaforma tal-vidjokonferenzi. In-numru ta’ postijiet disponibbli huwa limitat. Kull min hu interessat jipparteċipa billi jattendi fiżikament jew permezz tas-servizz ta’ vidjokonferenza jista’ jirreġistra billi jibgħat email fuq [email protected].