“Iż-Żgħażagħ Mhumiex Biss Il-Futur Iżda L-Preżent” – Josianne Cutajar
10 żgħażagħ Maltin u Għawdxin fil-European Youth Event fi Strasborgu grazzi għal opportunità offruta mill-MPE Josianne Cutajar
“Huwa importanti li l-Ewropa tersaq dejjem eqreb lejn iċ-ċittadini tagħha, inkluż iż-żgħażagħ billi toffrilhom opportunitajiet Ewropej li jwasslu sabiex ikun hemm anke involviment dirett fil-politika li nfasslu. Iż-żgħażagħ mhumiex biss il-futur, iżda l-preżent”.
Stqarret dan l-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar b’rabta mal-okkażjoni tal-European Youth Event 2021 li qed isseħħ bħalissa fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, avveniment annwali li din is-sena qed jħeġġeġ diskussjoni relatata mal-futur tal-Ewropa, fl-isfond tal-Konferenza tal-Futur tal-Ewropa li Cutajar hi r-rappreżentanta Maltija għas-Soċjalisti fiha.
Cutajar qalet li l-enfasi għandha tkun b’tali mod li ż-żgħażagħ ma jintużawx bħala ‘token’, iżda li tinvolvihom fil-proċess sħiħ u b’mod effettiv.
Huwa importanti li ninkludu żgħażagħ minn sfondi differenti, speċjalment dawk li qed jaffaċċjaw sfidi diversi, b’mod inklussiv saħqet l-MPE Maltija. Hi fakkret kif dan għamlitu wkoll waqt diskussjoni li organizzaw is-Soċjalisti u Demokratiċi relatata mal-Konferenza tal-Futur tal-Ewropa f’Malta, fejn saret stedina liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin minn għaqdiet differenti u minn realtajiet differenti.
L-10 żgħażagħ Maltin u Għawdxin li qed jieħdu sehem fil-European Youth Event fi Strasburgu se jkollhom iċ-ċans li jżuru l-istituzzjonijiet u wkoll iżommu laqgħa mal-MPE Cutajar.
Permezz ta’ din l-esperjenza se jkollhom ukoll l-opportunità li jiltaqgħu u jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom ma’ żgħażagħ oħra Ewropej fejn se jkunu qed jipparteċipaw f’numru ta’ diskussjonijiet marbuta mal-ħidma tal-Unjoni Ewropea u anke l-futur tal-Ewropa.
L-MPE Josianne Cutajar, anke bħala l-iżgħar membru tad-delegazzjoni Maltija u l-iżgħar persuna li qatt ġiet eletta minn pajjiżna, qed timbotta ‘l quddiem l-opportunità taħt il-programm DiscoverEU li permezz tiegħu żgħażagħ Ewropej ta’ bejn it-18 u l-20 sena se jkunu jistgħu jsiefru fl-Ewropa u jifhmu u japprezzew aħjar kulturi oħra Ewropej u l-valuri tal-UE.